EŻODU 2
2
Kapitlu 2
It-twelid ta’ Mosè
1Kien hemm raġel mit-tribù ta’ Levi, li ħa b’martu lil waħda min-nisel ta’ Levi.#Eż 6,20; Num 26,59. 2Il-mara tqalet u wildet iben; billi rat li kien tifel sabiħ, żammitu moħbi għal tliet xhur.#Atti 7,20-21; Lhud 11,23. 3Meta ma setgħetx taħbih aktar, ħadet qoffa tal-papiru, dilkitha bil-qatran u ż-żift, qiegħdet it-tifel fiha, u qegħditha qalb is-simar f’xatt ix-xmara Nil. 4Oħtu qagħdet ftit ’il bogħod biex tara x’se jiġrilu.
5Niżlet bint il-Fargħun biex tgħum fin-Nil, waqt li l-qaddejja tagħha kienu jitlajjaw fuq xatt ix-xmara. Hi lemħet il-qoffa f’nofs is-simar, u bagħtet qaddejja ġġibhielha.#Atti 7,21. 6Malli fetħitha, rat it-tarbija; u t-tifel kien qiegħed jibki. Tħassritu u qalet: “Dan hu wieħed minn ulied l-Għebrej.” 7U oħt it-tarbija qalet lil bint il-Fargħun: “Tridx immur insejjaħlek waħda mill-imreddgħa tal-Għebrej biex treddagħlek it-tarbija?” 8U bint il-Fargħun wieġbet: “Mur!” U x-xbejba marret u sejħet lil omm it-tarbija. 9U qaltilha bint il-Fargħun: “Ħu ’l din it-tarbija u reddagħhieli, u jiena nħallsek kemm ikun ħaqqek.” U l-mara ħadet it-tarbija u reddgħetha. 10Meta t-tifel kiber, ħaditu għand bint il-Fargħun, li kienet tqisu tagħha, u semmietu Mosè#2,10: U semmietu Mosè: bil-Lhudi Moxeh, mill-verb maxa, ħareġ, ġibed lil xi ħadd; din hi etimoloġija popolari. L-isem aktarx hu kelma Eġizzjana li tfisser twieled minn xi alla li tiegħu t-tarbija ġġib l-isem., “għax,” qalet, “salvajtu mill-ilma.”#Lhud 11,24.
Mosè f’Midjan
11Darba waħda Mosè, meta kiber, mar ħdejn ħutu u ra x-xogħol iebes tagħhom, u lemaħ lil wieħed Eġizzjan isawwat lil wieħed mill-Għebrej ħutu. 12Dar u ħares madwaru, ra li ma kien hemm ħadd, qatel l-Eġizzjan, u difnu fir-ramel. 13L-għada raġa’ ħareġ u ra żewġt irġiel Għebrej jiġġieldu; u qal lill-ħati: “Għala qiegħed taħbat għal sieħbek?” 14U dan wieġbu: “Min qiegħdek kap u mħallef fuqna? Jaqaw trid toqtolni bħalma qtilt l-Eġizzjan?” Mosè beża’ u qal: “Mela jafu b’din il-ħaġa.”#Atti 7,23-28. 15Malli l-Fargħun sama b’dan, fittex lil Mosè biex joqtlu; imma Mosè ħarab u mar fl-art ta’ Midjan. Hemm qagħad bilqiegħda ħdejn bir.#Atti 7,29; Lhud 11,27.
16Il-qassis ta’ Midjan kellu sebat ibniet; u dawn ġew jimlew l-ilma u mlew il-ħwat biex jisqu l-merħla ta’ missierhom.#Ġen 24,11-12. 17Kif waslu r-rgħajja warrbuhom, imma Mosè qam u qabeż għalihom u sqielhom il-merħla tagħhom. 18Meta x-xebbiet marru għand missierhom, li kien jismu Regħwel#2,18: Regħwel: imsejjaħ ukoll Ġetru; ara 3,1; 4,18; 18,1., staqsiehom: “Kemm ġejtu kmieni llum? Għaliex?” 19U huma weġbuh: “Wieħed Eġizzjan ħelisna minn idejn ir-rgħajja u mlielna hu wkoll u sqielna n-nagħaġ.” 20Missierhom staqsiehom: “Fejn hu? Għaliex ħallejtuh hemm lil dan ir-raġel? Sejħulu biex jiekol biċċa ħobż magħna.” 21Mosè għoġbu li joqgħod ma’ dak ir-raġel; u dan tah lil bintu Siffora b’martu. 22Din kellha tifel u semmietu Gersum; “għax,” qal Mosè, “jien stranġier f’art barranija.”#Eż 18,3; Atti 7,29.
23Għadda ż-żmien u miet is-sultan tal-Eġittu; u wlied Iżrael bdew jitniehdu taħt il-jasar u jgħajtu. L-għajjat tagħhom mill-jasar wasal sa għand Alla.#Eż 3,7-9; Dt 26,7. 24U Alla sama’ l-krib tagħhom u ftakar fil-patt tiegħu ma’ Abraham, ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb.#Eż 6,5; S 105,8-9; 106,44-46; Atti 7,34. 25Alla xeħet ħarstu fuq ulied Iżrael u ra f’liema stat kienu.
Currently Selected:
EŻODU 2: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.