YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 2

2
Kapitlu 2
Il-miġja tal-Ispirtu s-Santu
1Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed.#Lev 23,15-21; Dt 16,9-11. 2F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. 3U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom.#Mt 3,11; Lq 3,16. 4Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.#Mk 16,17; Atti 4,31; 10,44-46; 19,6; 1 Kor 13,1.
5F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. 6Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: 7Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija?#Atti 1,11. 8Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? 9Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, 10mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, 11kemm Lhud u kemm prosèliti#2,11: Prosèliti: nies pagani li kienu ħaddnu r-reliġjon Lhudija; ara Mt 23,15 u nota Ġw 12,20., oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!” 12U lkoll, mitlufa bl-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan xi jkun?” 13Oħrajn bdew jiddieħku u jgħidu: “Dawn xorbu l-inbid ġdid!”
Id-diskors ta’ Pietru f’Għid il-Ħamsin
14Imma Pietru, flimkien mal-Ħdax, qam u qal lil-Lhud b’leħen għoli: “Nies tal-Lhudija, u intom ilkoll li toqogħdu f’Ġerusalemm, kunu afu dan u isimgħu sewwa x’se ngħidilkom jien. 15Le, dawn mhumiex fis-sakra, kif qegħdin taħsbu intom; għax għadhom id-disgħa ta’ filgħodu. 16Imma dan mhux ħlief dak li ntqal permezz tal-profeta Ġoel,
17 ‘U jiġri fl-aħħar jiem, jgħid Alla,
li jiena nsawwab mill-Ispirtu tiegħi fuq kull bniedem;
u jħabbru wliedkom, subien u bniet,
u ż-żgħażagħ tagħkom jaraw dehriet,
u x-xjuħ tagħkom joħolmu ħolmiet; # Ġoel 3,1-5.
18 u wkoll fuq il-qaddejja tiegħi, irġiel u nisa,
insawwab f’dawk il-jiem mill-Ispirtu tiegħi,
u jħabbru.
19 U jien nagħmel għeġubijiet fl-għoli tas-smewwiet,
u sinjali isfel fl-art:
demm u nar u dħaħen kbar.
20 Ix-xemx tinbidel fi dlam,
u l-qamar f’demm,
qabel ma jasal jum il-Mulej,
jum kbir u glorjuż.
21 U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv.’ # Rum 3,2.
22“Poplu ta’ Iżrael, isimgħu dan li se ngħidilkom. Ġesù ta’ Nazaret kien bniedem li Alla takom prova tiegħu permezz tal-mirakli u l-għeġubijiet u s-sinjali li għamel bih fostkom, kif intom stess tafu.#Ġw 3,2. 23Lil dan Ġesù, Alla telaqhulkom f’idejkom skont l-għerf u l-pjan li fassal minn qabel, u intom neħħejtuh billi sallabtuh permezz ta’ nies ħżiena#2,23: Nies ħżiena: jiġifieri pagani, mingħajr il-Liġi ta’ Mosè.;#Mt 27,35-50; Mk 15,24-37; Lq 23,33.46; Ġw 19,18.30; Atti 3,15; 4,28. 24imma Alla qajmu mill-imwiet billi ħall l-irbit tal-mewt, għaliex ma setax ikun li l-mewt iżżommu taħt is-setgħa tagħha.#2 Sam 22,6; S 118,4; 116,3; Mt 28,6; Mk 16,6; Lq 24,5; Atti 3,15. 25Għax David jgħid fuqu,
‘Żammejt lill-Mulej dejjem quddiemi,
għax hu fuq il-lemin tiegħi, biex qatt ma nitħarrek. # S 16,8-11.
26 Għalhekk ferħet qalbi
u mtela bl-hena lsieni;
u ġismi wkoll jistrieħ fit-tama,
27 għax inti ma titlaqx fl-imwiet lil ruħi,
u ma tħallix il-Qaddis tiegħek jara t-taħsir. # Atti 13,35.
28 Inti għarraftni t-triq tal-ħajja,
timlieni bil-ferħ meta nkun quddiemek.’
29“L-aħwa, ħalluni ngħidhielkom kif inħossha fuq il-patrijarka David; hu miet u kien midfun u l-qabar tiegħu għadu magħna sal-lum stess.#1 Slat 2,10; Atti 13,36. 30Issa hu kien profeta, u kien jaf li Alla ħaliflu b’ġurament li kellu jqiegħed fuq it-tron tiegħu bniedem ġej minn nislu.#2 Sam 7,12-13; S 132,11. 31David ra minn qabel u ħabbar il-qawmien tal-Messija, u qal,
‘La kien mitluq fl-imwiet
u lanqas ġismu ma ra t-taħsir.’ # S 16,10.
32Lil dan Ġesù, Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna lkoll xhieda.#Lq 24,28; Atti 1,8. 33Għalhekk, issa li Alla għollieh bil-leminija tiegħu, huwa rċieva mingħand il-Missier l-Ispirtu s-Santu li kien imwiegħed, u sawbu fuqna, kif qegħdin taraw u tisimgħu.#Mk 16,19; Ġw 14,16-17; 15,26; Atti 1,4; 7,55-56; Kol 3,1; Lhud 1,3; 8,1; 10,12; 1 Pt 3,22. 34David ma telax fis-smewwiet, iżda hu nnifsu jgħid,
‘Il-Mulej qal lil Sidi:
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, # S 110,1; Mt 22,24; Mk 12,36; Lq 20,42-43; Lhud 1,13.
35 sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejk.’
36Mela ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.”#Atti 5,30-31.
37Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?”#Lq 3. 38U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu.#Atti 3,19. 39Għax il-wegħda qiegħda għalikom u għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li l-Mulej Alla tagħna sejħilhom.”#Is 57,19; Ġoel 3,5; Rum 10,12. 40U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom: “Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin.”#Dt 32,5; S 78,8; Fil 2,14. 41Għalhekk dawk li laqgħu kliemu tgħammdu u dak in-nhar ingħaqdu mad-dixxipli madwar tlitt elef ruħ.#Atti 2,47; 4,4; 5,14; 6,7; 11,21-24; 21,20. 42U kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb.#Atti 2,46; 20,27.
Il-ħajja tal-ewwel dixxipli
43Waqa’ mbagħad il-biża’ fuq kulħadd għax ħafna kienu l-mirakli u s-sinjali li kienu jsiru permezz tal-appostli.#Atti 5,5-11; 6,8; 14,3; 15,12; 19,17. 44Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom,#Atti 4,32. 45ibigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed.#Atti 4,34-35. 46U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja;#Lq 24,53; Atti 4,32-34. 47u kienu jfaħħru lil Alla, u l-poplu kollu kien iġibhom. U minn jum għal ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi.#Atti 2,41; 4,4; 5,14; 6,7; 11,24; 21,20.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 2: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in