YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 3

3
Kapitlu 3
Fejqan tal-magħtub ħdejn il-bieb tat-tempju
1Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar.#Atti 10,3-9. 2U xi wħud kienu qegħdin iġorru raġel magħtub minn twelidu, li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju, li jgħidulu s-Sabiħ, biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju.#Ġw 9,1; Atti 14,8. 3Xħin ra lil Pietru u ’l Ġwanni deħlin fit-tempju talabhom il-karità. 4Pietru, flimkien ma’ Ġwanni, tefa’ għajnejh fuqu u qallu: “Ħares lejna.”#Atti 6,15; 13,9; 14,9; 23,1. 5Dak baqa’ jħares lejhom, jistenna li se jaqla’ xi ħaġa minn għandhom. 6Imma Pietru qallu: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret#3,6: Ta’ Nazaret: ara nota Mt 26,71., imxi!”#Atti 3,16; 4,10; 16,18. 7U qabdu minn idu l-leminija u qajmu. Minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom; 8u malajr qabeż fuq riġlejh u beda jimxi. U daħal magħhom fit-tempju, jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla.#Ġw 5,14; Atti 14,10. 9Il-poplu kollu rah miexi u jfaħħar lil Alla; 10għarfu li hu kien l-istess wieħed li soltu kien jitlob il-karità ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. U baqgħu mistagħġba u miblugħa b’dak li ġralu.#Ġw 9,8.
Id-diskors ta’ Pietru ħdejn il-portiku ta’ Salamun
11Waqt li hu kien imqabbad ma’ Pietru u Ġwanni, in-nies, mistagħġba għall-aħħar, ġrew ilkoll flimkien lejhom ħdejn il-portiku li jgħidulu ta’ Salamun#3,11: Portiku li jgħidulu ta’ Salamun: kien wieħed mill-portiċi jew kolonnati li kienu jagħlqu l-wesgħa l-kbira madwar is-santwarju. Hawn kienu joqogħdu l-għorrief Lhud jiddiskutu u jgħallmu; ara Lq 2,46..#Ġw 10,23; Atti 5,12. 12Pietru, kif rahom qalilhom: “Nies ta’ Iżrael, x’intom tistagħġbu b’dan? Jew x’intom tħarsu lejna, qisna konna aħna li b’ħilitna jew bit-tjieba tagħna għamilna lil dan ir-raġel jimxi? 13Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb, Alla ta’ missirijietna gglorifika lill-qaddej tiegħu, Ġesù, li intom ittradejtuh u ċħadtuh quddiem Pilatu, għalkemm dan kien qatagħha li jitilqu.#Eż 3,6-15; Is 52,13; Mt 22,32; Mk 12,26; Lq 23,14-23; Ġw 13,32; 18,38-40; 19,12-15; Atti 7,32. 14Intom ċħadtu l-Qaddis u l-Ġust#3,14: Il-Qaddis u l-Ġust: żewġt titli li l-ewwel insara kienu jagħtu lil Ġesù: ara Is 53,11., tlabtu l-ħelsien ta’ wieħed qattiel#Mt 27,20-21; Mk 15. 15u qtiltu lill-Awtur tal-ħajja. Imma Alla qajmu mill-imwiet, u ta’ dan aħna xhieda.#Lq 24,48; Atti 1,8; 2,32; 4,10; 5,30. 16Kien bl-isem ta’ Ġesù#3,16: Bl-isem ta’ Ġesù: fl-Atti, l-isem ta’ Ġesù jfisser Kristu Rxoxt; ara 4,7., u permezz tal-fidi f’dan l-isem, li dan ir-raġel, li intom tafuh u qegħdin tarawh, ħa saħħtu; hija l-fidi fih li tatu saħħtu għal kollox quddiemkom ilkoll. 17Issa, l-aħwa, jiena naf li kemm intom u kemm il-kapijiet tagħkom, għamiltu dan għaliex ma kontux tafu.#Lq 23,34; 1 Tim 1,13. 18Imma b’hekk Alla temm dak li hu kien ħabbar sa minn qabel b’fomm il-profeti, jiġifieri, li l-Messija tiegħu kellu jbati.#Lq 24,44-46. 19Indmu, mela, u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom.#Atti 2,38. 20Hekk jiġu żminijiet ta’ mistrieħ mingħand il-Mulej, u hu jibagħtilkom il-Messija li għażlilkom, li hu Ġesù, li għalissa 21għandu jibqa’ fis-sema sa ma jseħħ it-tiġdid kollu li fl-imgħoddi semma Alla b’fomm il-profeti qaddisa tiegħu. 22Mosè wkoll qal, ‘Il-Mulej Alla tagħna jqajmilkom profeta bħali minn fost ħutkom; lilu isimgħu f’kulma jgħidilkom.#Dt 18,15-16; Atti 7,37. 23U jiġri li kull min ma jismax minn dan il-profeta jinqered minn qalb il-poplu.’#Dt 18,19. 24U l-profeti kollha, ibda minn Samwel u dawk li ġew warajh, ilkoll tkellmu u ħabbru dawn il-jiem.#Lq 24,27. 25Intom ulied il-profeti u werrieta tal-Patt li Alla għamel ma’ missirijietkom meta qal lil Abraham, ‘F’nislek jitbierku l-ġnus kollha tal-art.’#Ġen 22,18; 26,4; Gal 3,8. 26Kien għalikom l-ewwel li Alla qajjem il-Qaddej tiegħu u bagħtu jberikkom, billi kull wieħed minnkom jerġa’ lura minn ħżunitu.”#Atti 13,46; Rum 1,16.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in