YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 19

19
Kapitlu 19
Pawlu f’Efesu
1Meta Apollu kien Korintu, Pawlu għadda mill-inħawi ta’ fuq u wasal Efesu, fejn sab xi dixxipli 2u staqsiehom: “Ħadtu intom l-Ispirtu s-Santu meta emmintu?” Iżda huma weġbuh: “Le, anqas biss smajna li hemm l-Ispirtu s-Santu!”#Ġw 7,39; Atti 2,38; 8,16. 3“Mela x’magħmudija ħadtu?” staqsiehom Pawlu. “Il-magħmudija ta’ Ġwanni,” weġbuh huma. 4Imbagħad Pawlu qalilhom: “Ġwanni għammed bil-magħmudija tal-indiema; imma lin-nies kien jgħidilhom biex jemmnu f’dak li kellu jiġi warajh, jiġifieri, f’Ġesù.”#Mt 3,11; Mk 1,4-8. 5Xħin semgħu dan, tgħammdu f’isem il-Mulej Ġesù. 6Imbagħad, kif Pawlu qegħdilhom idejh fuqhom, niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna u jħabbru#19,6: Iħabbru: jipprofetizzaw, jitkellmu b’ilsna f’isem Alla u jfissru l-verità..#Atti 8,17; 10,44.46. 7B’kollox kienu madwar tnax-il raġel.
8Għal tliet xhur Pawlu kien imur fis-sinagoga, jitkellem bi qlubija kbira u jfittex li jipperswadihom fuq is-Saltna ta’ Alla.#Atti 18,26. 9Xi wħud kienu jwebbsu rashom u ma ridux jemmnu, u bdew imaqdru t-Triq tal-Mulej quddiem il-ġemgħa kollha. Għalhekk Pawlu telaq minn magħhom, ġabar miegħu d-dixxipli, u kien joqgħod jitkellem magħhom kuljum fl-iskola ta’ wieħed jismu Tirannu. 10Dan baqa’ sejjer għal sentejn, tant li dawk kollha li kienu joqogħdu fl-Asja, kemm Lhud u kemm Griegi, semgħu l-kelma tal-Mulej.
Ulied Xeva
11U Alla kien jagħmel mirakli mhux żgħar permezz ta’ Pawlu,#Atti 14,3. 12hekk li, meta kienu jieħdu mkatar jew fradal li jkunu messew miegħu u jqegħduhom fuq il-morda, dawn kienu jfiqu mill-mard tagħhom u l-ispirti ħżiena kienu joħorġu minnhom.#Atti 5,15-16. 13Kien hemm xi wħud mill-eżorċisti#19,13: Eżorċisti: nies li kienu jaqilgħu l-għajxien billi jkeċċu x-xjaten. Lhud iduru ma’ dawk l-inħawi, u bdew isejħu l-isem tal-Mulej Ġesù fuq dawk li kellhom l-ispirti ħżiena u jgħidulhom: “Niskunġrak b’dak Ġesù li jxandar Pawlu.”#Mk 9,38; Lq 9,49. 14Kien hemm seba’ wlied ta’ wieħed jismu Xeva, qassis kbir Lhudi, li kienu jagħmlu dan. 15Imma l-ispirtu ħażin weġibhom: “Lil Ġesù nafu, u lil Pawlu nafu wkoll, imma intom min intom?”#Mk 1,34; Lq 4,34-41. 16Imbagħad ir-raġel li kellu l-ispirtu ħażin ħebb għalihom, għelibhom ilkoll u qabadhom b’saħħtu kollha, hekk li ħarbu minn dik id-dar imneżżgħin u kollhom miġruħa. 17Dan saru jafu bih il-Lhud u l-Griegi kollha li kienu joqogħdu Efesu, u waqa’ biża’ fuqhom ilkoll; u isem il-Mulej Ġesù kien igglorifikat bil-bosta.#Atti 5,5-11. 18Ħafna minn dawk li emmnu bdew jersqu biex jistqarru u jxandru għemilhom#19,18: Ixandru għemilhom: għemil is-sħarijiet.. 19U bosta minn dawk li qabel kienu jagħmlu s-sħarijiet ġiebu l-kotba tagħhom u ħarquhom quddiem kulħadd. Meta għamlu l-istima tagħhom, sabu li kienu jiswew ħamsin elf biċċa tal-fidda. 20Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tikber u tissaħħaħ bil-qawwa kollha.#Atti 6,7; 12,24.
Irvell f’Efesu
21Wara li seħħ dan kollu, Pawlu għamel il-ħsieb li jmur il-Maċedonja u l-Akaja biex minn hemm jibqa’ sejjer Ġerusalemm. Qal ukoll: “Wara li mmur hemm, jeħtieġ nara Ruma wkoll.”#Atti 23,11; Rum 1,13. 22Għalhekk bagħat lejn il-Maċedonja lil Timotju u ’l Erastu, tnejn minn dawk li kienu jgħinuh, u hu baqa’ għal ftit taż-żmien ieħor fl-Asja.
23Mela dik il-ħabta nqala’ inkwiet mhux żgħir minħabba t-Triq tal-Mulej.#2 Kor 1,8. 24Kien hemm wieħed arġentier, jismu Demetriju, li kien jagħmel mudelli tal-fidda tat-tempju ta’ Artemi#19,24: Artemi: Alla mara tal-fertilità li taħt forma jew oħra (Astart, Istar, Veneri, Isis) kienu jadurawha mal-Mediterran kollu. Fl-istatwi u x-xbihat tagħha kienu jinsistu fuq il-karatteristiċi tal-persuna femminili., u, bis-saħħa tiegħu, in-nies tas-sengħa kienu jaqilgħu ħafna flus.#Atti 16,16. 25Dan laqqagħhom flimkien ma’ nies ta’ snajja’ oħra bħal tagħhom, u qalilhom: “Ħbieb, intom tafu li l-għana tagħna ġej mill-qligħ ta’ din is-sengħa. 26Qegħdin taraw u tisimgħu li dan Pawlu qiegħed idawwar u jaqleb ħafna nies, mhux biss f’Efesu, imma tista’ tgħid fl-Asja kollha. Qiegħed jgħidilhom li allat maħduma bl-idejn ma huma allat xejn.#Atti 17,29. 27Dan hu l-biża’ tagħna, li mhux biss din is-sengħa tagħna ma jibqgħux jistmawha, iżda li saħansitra t-tempju ta’ Artemi l-kbira, l-alla tagħna, jiġi fix-xejn; u fl-aħħar jiġri li tonqos il-glorja kbira ta’ dik li hi miqjuma fl-Asja u d-dinja kollha.”
28Xħin semgħu dan, imtlew bl-għadab u qabdu jgħajtu: “Kbira Artemi tal-Efesin!” 29Qamet taħwida fil-belt kollha; in-nies b’ġirja waħda telqu lkoll flimkien għall-anfitijatru u kaxkru magħhom lil Gaju u ’l Aristarku, iż-żewġ irġiel mill-Maċedonja li kienu sħab Pawlu fil-vjaġġ. 30Pawlu ried jidħol qalb il-folla, imma d-dixxipli ma ħallewhx. 31Xi awtoritajiet tal-Asja#19,31: Xi awtoritajiet tal-Asja: litteralment: asjarki. Dawn kienu uffiċjali inkarigati mit-tmexxija tal-kult tal-imperatur fl-Asja. It-titlu kienu jżommuh ukoll meta jispiċċaw mill-kariga tagħhom., ħbieb tiegħu, bagħtu jgħidulu huma wkoll biex ma jissugrax jidħol fl-anfitijatru. 32Ġewwa fost il-ġemgħa kien hemm storbju sħiħ; min kien jgħajjat ħaġa u min oħra, u l-biċċa l-kbira anqas biss kienu jafu għalfejn inġabru hemm. 33Il-Lhud tefgħu lil Alessandru ’l quddiem, u xi wħud mill-folla fehmuh x’kienet il-kwistjoni. Alessandru għamel sinjal b’idu biex juri li ried jagħmel difiża quddiem il-poplu.#Atti 12,17; 13,16; 21,40. 34Imma kif intebħu li kien Lhudi qabdu jgħajtu lkoll b’leħen wieħed, u baqgħu sejrin jgħajtu għal madwar sagħtejn sħaħ: “Kbira Artemi tal-Efesin!” 35Imbagħad uffiċjal pubbliku rnexxielu jsikket il-folla u qalilhom: “Nies ta’ Efesu, min hu dak li ma jafx li Efesu hija l-belt li tħares it-tempju ta’ Artemi l-kbira u tax-xbieha tagħha li waqgħet mis-sema? 36Dan ħadd ma jista’ jmerih! Mela għandkom toqogħdu bi kwietkom u ma tagħmlu xejn bl-għaġla. 37Intom ġibtu hawn lil dawn l-irġiel, li ebda sagrileġġ ma għamlu, u anqas dgħaw kontra din l-alla tagħna. 38Mela jekk Demetriju u sħabu tas-sengħa tiegħu għandhom xi jgħidu kontra xi ħadd, hemm il-qrati u l-imħallfin; ħa jmorru jixlu ’l xulxin quddiemhom. 39Jekk imbagħad għandkom xi kwistjoni oħra, ħalluha tkun deċiża fil-laqgħa tas-soltu. 40Għax fuq dak li ġara llum, hemm il-periklu li jgħodduna b’ħatja ta’ dan l-irvell, u ma hemm ebda skuża li nistgħu nġibu għal irvell bħal dan.” 41Xħin temm jgħid dan, bagħat lil kulħadd ’il barra.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 19: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in