YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 15

15
Kapitlu 15
Il-Konċilju ta’ Ġerusalemm
1Imma mbagħad niżlu xi wħud mill-Lhudija u bdew jgħallmu lill-aħwa: “Jekk ma toqogħdux għaċ-ċirkonċiżjoni skont id-drawwa li ġejja minn Mosè, ma tistgħux issalvaw.”#Lev 12,3; Gal 5,2. 2Pawlu u Barnaba qamu kontra tagħhom u ħaduha magħhom bis-sħiħ; għalhekk qatgħuha li Pawlu u Barnaba u xi wħud oħra minnhom jitilgħu Ġerusalemm ikellmu lill-appostli u l-presbiteri fuq din il-kwistjoni.#Atti 11,30; Gal 2,1. 3Il-ġemgħa tal-Knisja marret tqabbadhom it-triq, u huma għaddew mill-Feniċja u s-Samarija, jitkellmu fuq il-konverżjoni tal-pagani u jnisslu ferħ kbir fost l-aħwa kollha. 4Meta waslu Ġerusalemm, il-ġemgħa tal-Knisja, l-appostli u l-presbiteri laqgħuhom tajjeb u huma għarrfuhom b’dak kollu li Alla kien għamel magħhom.#Atti 15,12. 5Iżda xi wħud min-naħa tal-Fariżej#15,5: Xi wħud min-naħa tal-Fariżej: il-Lhud insara li baqgħu jżommu d-duttrina u l-użanzi tal-Fariżej. li kienu emmnu qamu jgħidu: “Jeħtieġ li l-pagani joqogħdu għaċ-ċirkonċiżjoni u jkunu obbligati jħarsu l-Liġi ta’ Mosè.”
6Għalhekk l-appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni. 7Wara diskussjoni twila, Pietru qam u qalilhom: “ L-aħwa, intom tafu li sa mill-ewwel jiem Alla għażilni minn fostkom biex minn fommi l-pagani jisimgħu l-kelma tal-Evanġelju u jemmnu.#Atti 2,4; 10,44; 11,15. 8U dan xehdu Alla, li jagħraf il-qlub, billi tahom l-Ispirtu s-Santu bħalma tah lilna. 9Ma għamel ebda għażla bejnna u bejnhom, imma saffielhom qalbhom bil-fidi.#Atti 10,34-35. 10Mela issa għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh?#Atti 15,19; Gal 5,1. 11Wara kollox aħna nemmnu li, bħalhom, aħna nsalvaw permezz tal-grazzja tal-Mulej Ġesù.”#Gal 2,16; Ef 2,5-8.
12Imbagħad waqa’ skiet fuq il-ġemgħa kollha. U qagħdu jisimgħu lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkuntaw kemm sinjali u mirakli Alla kien għamel permezz tagħhom fost il-pagani.#Atti 14,27; 15,4. 13Meta waqfu huma, qam Ġakbu#15,13: Ġakbu: ara nota 12,17. u qal: “L-aħwa, isimgħuni. 14Xmun#15,14: Xmun: Xmun Pietru; ara Mt 16,18. qalilna kif Alla sa mill-bidu ħaseb biex jiġbor minn fost il-pagani poplu li jkun tiegħu.#Lq 1,68; Atti 15,7-9. 15Ma’ dan jaqbel kliem il-profeti, kif hemm miktub,
16 ‘Wara dan nerġa’ niġi
u nibni d-dar ta’ David, li ġġarrfet;
nerġa’ ntella’ l-ħerba tagħha
u nwaqqafha mill-ġdid, # Għam 9,11-12.
17 biex ifittxu l-Mulej il-bqija tal-bnedmin
u l-ġnus kollha li fuqhom issejjaħ ismi # 15,17: Li fuqhom issejjaħ ismi: il-ġnus li huma ta’ Alla, jew li Alla sejjaħ għalih. ,
jgħid il-Mulej,
18 li għarraf dan kollu sa mill-qedem.’ # Is 45,21.
19Għalhekk jien ngħid li mhux ta’ min idejjaqhom lill-pagani li jikkonvertu lejn Alla.#Atti 15,10. 20Biss niktbulhom biex jitbiegħdu mill-ikel imniġġes bl-idoli, u miż-żwieġ ħażin#15,20: Miż-żwieġ ħażin: żwiġijiet li ma kinux iċċelebrati skont il-liġi ta’ Mosè; ara l-v.29; Lev 18,6-18; Mt 5,32; 19,9., mil-laħam tal-annimali fgati u mid-demm.#Ġen 9,4; Lev 3,17; 17,10-14. 21Għaliex sa mill-ewwel żminijiet kien hemm f’kull belt min ixandar il-Liġi ta’ Mosè u jaqraha fis-sinagogi kull nhar ta’ Sibt.”#Atti 13,15.
It-tweġiba tal-Konċilju
22Imbagħad l-appostli u l-presbiteri, flimkien mal-Knisja kollha, dehrilhom li kellhom jagħżlu lil xi wħud minnhom u jibagħtuhom Antjokja ma’ Pawlu u Barnaba. Dawn kienu Ġuda, jgħidulu Barsaba, u Sila, li kienu minn ta’ quddiem fost l-aħwa, 23u bagħtu magħhom din l-ittra: “L-appostli u l-presbiteri, ħutkom, lill-aħwa ta’ Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja, li ġew mill-ġnus; is-sliem għalikom! 24Aħna smajna li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom.#Atti 15,1-28; Mt 23,4. 25Għalhekk aħna qbilna lkoll bejnietna u dehrilna li kellna nagħżlu lil xi wħud u nibagħtuhom għandkom flimkien mal-għeżież tagħna Barnaba u Pawlu, 26nies li ddedikaw ħajjithom għall-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu. 27Għalhekk bgħatnielkom lil Ġuda u ’l Sila, biex jgħidulkom bi kliemhom l-istess ħaġa. 28Għax lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna ma għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor aktar minn dak li hu meħtieġ, 29jiġifieri, li titbiegħdu mill-ikel issagrifikat lill-idoli#15,29: Ikel issagrifikat lill-idoli: ikel li qabel kien offert b’sagrifiċċju lill-idoli, u għalhekk imniġġes; ara 1 Kor 8. Mil-laħam tal-annimali fgati: il-Lhud ma kinux jistgħu jieklu jew jixorbu d-demm; għalhekk l-annimali ma kinux jifgawhom iżda jaqtgħulhom jew iħanxrulhom għonqhom u jneħħulhom demmhom kollu; ara Lev 17,10-16., mid-demm, mil-laħam tal-annimali fgati u miż-żwieġ ħażin. Tagħmlu tajjeb jekk tħarsu rwieħkom minn dawn. Saħħa!”#Ġen 9,4; Lev 3,17; 17,10-14.
30Għalhekk dawn il-messaġġiera niżlu Antjokja, laqqgħu l-ġemgħa u tawhom l-ittra, 31qrawha, u ferħu għall-faraġ li tathom. 32Ġuda u Sila, li kienu wkoll profeti, farrġu lill-aħwa u wettquhom b’ħafna kliem.#Atti 11,27; 13,1; 14,22; 18,23. 33Wara li qagħdu#15,33: Wara li qagħdu: Xi manuskritti jżidu l-v.34. hemm għal ftit taż-żmien, telqu bis-sliem mingħand l-aħwa u reġgħu lura għand dawk li kienu bagħtuhom. 35Imma Pawlu u Barnaba baqgħu Antjokja, fejn ma’ ħafna oħrajn kienu jgħallmu u jxandru l-kelma ta’ Alla.
Pawlu u Barnaba jinfirdu
36Ftit taż-żmien wara, Pawlu qal lil Barnaba: “Ħa nerġgħu mmorru nżuru l-aħwa fl-ibliet kollha li fihom xandarna l-kelma tal-Mulej, u naraw kif huma sejrin.” 37Barnaba ried li magħhom jieħdu wkoll lil Ġwanni, jgħidulu Marku.#Atti 12,12-25. 38Imma Pawlu deherlu li ma kellhomx jieħdu magħhom wieħed li, meta kienu fil-Pamfilja, telaqhom u ma marx magħhom għax-xogħol.#Atti 13,13. 39Kellhom xi jgħidu sewwa, hekk li nfirdu minn xulxin. Barnaba ħa miegħu lil Marku u telaq bil-baħar lejn Ċipru.#Atti 4,36; 13,4. 40Pawlu għażel għal miegħu lil Sila u telaq, wara li l-aħwa rrikkmandawhom f’idejn il-ħniena tal-Mulej.#Atti 14,26. 41U dar is-Sirja u ċ-Ċiliċja#15,41: Ċiliċja: pajjiż fl-Asja Minuri fejn kienet tinsab il-belt ta’ Tarsu fejn twieled u trabba Pawlu. kollha, iwettaq il-Knejjes.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 15: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in