YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 14

14
Kapitlu 14
Pawlu u Barnaba f’Ikonju
1Meta kienu Ikonju, daħlu wkoll fis-sinagoga tal-Lhud u tkellmu b’mod li kotra kbira ta’ nies, sew Lhud u sew Griegi#14,1: Sew Lhud u sew Griegi: ara 11,9-10., emmnu. 2Imma l-Lhud li ma laqgħux il-fidi xewxu l-pagani u għawewhom kontra l-aħwa nsara.#Atti 13,45. 3Pawlu u Barnaba baqgħu għal ftit żmien sewwa jitkellmu bi qlubija kbira fuq il-Mulej. U hu stess kien jixhed għall-kelma tal-grazzja tiegħu b’sinjali u mirakli li kienu jsiru permezz tagħhom.#Mk 16,20; Lhud 2,4. 4Imma n-nies tal-belt inqasmu; xi wħud kienu jżommu mal-Lhud u oħrajn mal-appostli. 5Il-pagani u l-Lhud, flimkien mal-kapijiet tagħhom, ftiehmu li jumiljaw lill-appostli u jħaġġruhom.#Atti 14,19; 2 Tim 3,11. 6Malli saru jafu b’dan, ħarbu lejn Listra u Derbi, bliet ta’ Likaonja, u fl-inħawi ta’ madwarhom;#Mt 10,23. 7u hemmhekk qagħdu jxandru l-Evanġelju.
Pawlu mħaġġar f’Listra
8F’Listra kien hemm raġel bilqiegħda, marid b’riġlejh; kien magħtub mit-twelid, u qatt ma kien mexa.#Atti 3,2. 9Hu sama’ lil Pawlu jitkellem. Dan ħares lejh sewwa, ra li kellu fidi biex ifiq,#Mt 9,28. 10u qallu b’leħen għoli: “Qum, ieqaf fuq riġlejk.” Dak qam minnufih u beda jimxi. 11Malli raw dak li għamel Pawlu, il-kotra tan-nies bdiet tgħajjat bl-ilsien ta’ Likaonja: “L-allat niżlu fostna taħt sura ta’ bnedmin!”#Atti 28,6. 12U lil Barnaba sejħulu Żews#14,12: Żews …: Żews kien l-alla kap tal-allat tal-mitoloġija Griega; Ermi kien il-messaġġier tiegħu. u ’l Pawlu Ermi, għax hu l-aktar li tkellem. 13Il-qassis ta’ Żews, li kellu t-tempju tiegħu ħdejn il-belt, ġieb fil-bieb gniedes imżejnin bil-kuruni u, flimkien mal-poplu, ried joffrihomlhom b’sagrifiċċju. 14Malli semgħu b’dan, l-appostli Barnaba u Pawlu ċarrtu lbieshom#14,14: Ċarrtu lbieshom: ara nota Mt 26,65., resqu malajr lejn il-ġemgħa, u bdew jgħajtu 15u jgħidu: “Ħbieb, hemm x’intom tagħmlu? Aħna wkoll bnedmin, ngħixu u nħossu bħalkom, bnedmin li ġejna nħabbrulkom l-Evanġelju biex tħallu dawn l-idoli fiergħa u dduru lejn Alla l-ħaj, li għamel is-sema u l-art u l-baħar u kulma fihom.#Eż 20,11; S 146,6; Atti 10,26. 16Fl-imgħoddi huwa ħalla l-ġnus kollha jimxu fi triqathom,#Atti 17,30. 17madankollu ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena.”#S 147,8; Ġer 5,24. 18Imma b’dan il-kliem bilkemm setgħu jżommu lill-poplu li ma joffrilhomx sagrifiċċju.
19Imbagħad waslu xi Lhud minn Antjokja u minn Ikonju, li rnexxielhom idawru n-nies għal magħhom. Qabdu jħaġġru lil Pawlu u kaxkruh ’il barra mill-belt, għax ħasbuh mejjet.#Atti 17,13; 2 Kor 11,25; 2 Tim 3,11. 20Imma xi dixxipli daru miegħu, u hu qam fuq riġlejh u daħal il-belt.
L-għada telaq ma’ Barnaba u mar Derbi.
Lura f’Antjokja tas-Sirja
21Huma xandru l-Evanġelju f’dik il-belt u għamlu ħafna dixxipli. Fi triqthom lura, għaddew minn Listra, Ikonju u Antjokja, 22jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla.#Atti 11,23; 13,43; 15,32; 18,23. 23Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu.#Atti 13,3. 24Imbagħad għaddew minn Pisidja#14,24: Pisidja: ara nota 13,14. u ġew fil-Pamfilja. 25Wara li xandru l-kelma f’Perġe, niżlu Attalija#14,25: Attalija: port fix-xatt fin-Nofsinhar tal-Asja Minuri.; 26minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu bagħtuhom u rrikkmandawhom f’idejn il-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li temmew.#Atti 13,1-2; 15,40. 27Meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani.#Atti 11,18; 13,47-48; 15,4-12. 28Hemm qagħdu għal ftit żmien sewwa mad-dixxipli.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 14: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in