YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 13

13
Kapitlu 13
Il-missjoni mogħtija lil Barnaba u Sawl
1Fil-Knisja ta’ Antjokja#13,1: Antjokja: ara nota 11,19. Erodi t-tetrarka: ara Mk 6,14. kien hemm xi profeti u għalliema: Barnaba, Xmun li jgħidulu Niger, Luċju minn Ċireni, Manahen li kien trabba ma’ Erodi#13,1: Erodi: Erodi Agrippa I, bin Aristobolu, li kien bin Erodi l-Kbir u l-ewwel mara tiegħu Marjammi. t-tetrarka, u Sawl.#Atti 11,27; 15,32. 2Darba, waqt li kienu qegħdin iqimu lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qalilhom: “Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.”#Atti 9,15; Gal 1,15-16. 3Imbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu idejhom fuqhom u bagħtuhom.#Atti 6,6; 14,23.
L-appostli f’Ċipru
4Għalhekk huma, mibgħuta mill-Ispirtu s-Santu, niżlu Selewkja#13,4: Selewkja: il-port ta’ Antjokja biswit il-gżira ta’ Ċipru., u minn hemm telqu bil-baħar għal Ċipru.#Atti 15,39. 5Meta waslu Salamina, bdew ixandru l-kelma ta’ Alla fis-sinagogi tal-Lhud. Kellhom magħhom lil Ġwanni#13,5: Ġwanni: Ġwanni Marku; ara 12,12. 25. jgħinhom.#Atti 12,25; 13,13; 15,39. 6Qasmu l-gżira kollha sa Pafos. Hawnhekk iltaqgħu ma’ wieħed Lhudi, jismu Barjesu, saħħar u profeta falz, 7li kien mal-prokonslu Serġju Pawlu#13,7: Prokonslu Serġju Pawlu: il-provinċji Rumani kienu mqassma f’żewġ gruppi; dawk iggvernati mis-Senat permezz ta’ Prokonslu, u l-oħrajn iggvernati mill-Imperatur permezz ta’ Legat, uffiċjal militari. Il-provinċji senatorjali kellhom il-kwiet u l-ordni; l-oħrajn imperjali kienu aktarx fuq il-fruntieri u għalhekk kienet meħtieġa l-preżenza militari għad-difiża u għall-ordni pubbliku. Ċipru kien provinċja prokonsulari. Is-Sirja bil-Palestina magħha, kienet provinċja imperjali.. Dan, raġel mogħni bid-dehen, bagħat għal Barnaba u għal Sawl u ried jisma’ mingħandhom il-kelma ta’ Alla. 8Iżda Elima s-saħħar - għax hekk ifisser ismu - waqfilhom u beda jfittex li jbiegħed lill-prokonslu mill-fidi.#2 Tim 3,8. 9Imbagħad Sawl, li jismu wkoll Pawlu#13,9: Sawl, li jismu wkoll Pawlu: Sawl: l-isem Lhudi tal-Appostlu; Pawlu, l-isem Ruman tiegħu; ara 9,4; 22,28-30. Sawl kien l-isem tal-ewwel sultan ta’ Iżrael, li kien mit-tribù ta’ Benjamin bħal Pawlu; ara 1 Sam 9,1. 16; Fil 3,5., mimli bl-Ispirtu s-Santu, waħħal għajnejh fih 10u qallu: “Ja bniedem mimli b’kull qerq u ħażen, bin ix-xitan u għadu ta’ kulma hu sewwa, qatt m’int se tieqaf tgħawweġ it-triqat dritti tal-Mulej?#Prov 10,9; Hos 14,9. 11Imma issa, ara, id il-Mulej se tilħqek: int tagħma, u għal xi żmien ma tarax id-dawl tax-xemx.” Minnufih waqa’ fuqu ċpar u dlam, u beda jdur u jfittex lil min imexxih minn idejh.#Atti 9,8; 22,11. 12Xħin il-prokonslu ra x’ġara, emmen u baqa’ mistagħġeb bit-tagħlim tal-Mulej.
Pawlu u Barnaba f’Antjokja ta’ Pisidja
13Pawlu u sħabu telqu bil-baħar minn Pafos u waslu Perge fil-Pamfilja#13,13: Pamfilja: id-distrett fix-xtajta tan-Nofsinhar tal-Asja Minuri, illum it-Turkija. Perge: belt fl-istess distrett.. Hawn Ġwanni ħalliehom u raġa’ lura lejn Ġerusalemm.#Atti 13,5; 15,38. 14Minn Perge baqgħu sejrin sa ma waslu f’Antjokja ta’ Pisidja#13,14: Pisidja: distrett fil-qalba tal-Asja Minuri.. F’jum is-Sibt daħlu fis-sinagoga u qagħdu bilqiegħda. 15Wara l-qari mil-Liġi u l-Profeti, il-kapijiet tas-sinagoga bagħtu jgħidulhom: “L-aħwa, jekk xi ħadd minnkom irid jgħid kelmtejn ta’ tħeġġiġ lill-poplu, tkellmu.”#Atti 15,21. 16Għalhekk Pawlu qam, għamel sinjal b’idu u beda jitkellem:
“Nies ta’ Iżrael, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla#13,16: Intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla: litteralment intom li tibżgħu minn Alla, bil-Grieg oi foboumenoi ton theon: kienu msejħin ukoll theosebieoi, jiġifieri nies twajba u jqimu lil Alla. Dawn kienu pagani, aktarx Griegi, li r-reliġjon Lhudija kienet togħġobhom u kienu wkoll imorru għas-servizz fis-sinagoga. Għal xi raġuni jew oħra ma qagħdux għaċ-ċirkonċiżjoni biex isiru Lhud għalkollox. Kienu jagħmlu xi opri reliġjużi Lhud u jemmnu f’Alla wieħed. Barra dawn kien hemm il-prosèliti, pagani li kienu saru Lhud għalkollox; ara nota 2,11., isimgħuni.#Atti 12,17; 13,26; 19,33; 21,40. 17Alla ta’ dan il-poplu ta’ Iżrael għażel lil missirijietna. Meta l-poplu kien jgħix f’art barranija, fl-Eġittu, Alla għamlu poplu kbir u ħarġu minn hemm bil-qawwa ta’ driegħu.#Eż 6,1-6; 12,51. 18Għal madwar erbgħin sena stabar bihom fid-deżert.#Eż 16,35; Num 14,34. 19Meta mbagħad xejjen seba’ popli fl-art ta’ Kangħan, tahom din l-art b’wirt għalihom.#Dt 7,1; Ġoż 14,1. 20Dan kollu ħa xi erba’ mija u ħamsin sena. Imbagħad tahom l-Imħallfin, sa żmien il-profeta Samwel.#Mħ 2,16; 1 Sam 3,20. 21Wara dan talbu li jkollhom sultan, u Alla tahom lil Sawl bin Kis, raġel mit-tribù ta’ Benjamin, li dam erbgħin sena.#1 Sam 8,5-19; 10,21-24; 11,15. 22Meta mbagħad neħħa lil Sawl, qiegħed bħala sultan tagħhom lil David, li għalih ta din ix-xhieda:
‘Sibt lil David, bin Ġesse,
raġel skont qalbi,
li jagħmel dak kollu li rrid jien.’#1 Sam 13,14; 16,12-13; S 89,20.
23Min-nisel ta’ David, Alla, skont il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael salvatur, li hu Ġesù.#2 Sam 7,12; Is 11,1. 24Qabel il-miġja tiegħu, Ġwanni ħareġ ixandar magħmudija ta’ ndiema lill-poplu kollu ta’ Iżrael.#Mt 3,1-2; Mk 1,4-5; Lq 3,3. 25U meta kien wasal fi tmiem il-ħidma tiegħu, Ġwanni qal, ‘Jien m’iniex dak li intom taħsbu li jien. Imma, araw, warajja ġej wieħed li jien anqas jistħoqqli nħoll il-qorq ta’ riġlejh.’#Mt 3,11; Mk 1,7; Lq 3,16; Ġw 1,20-27.
26“L-aħwa, ulied Abraham, u intom mill-ġnus li tibżgħu minn Alla, lilna bagħatha Alla l-aħbar ta’ din is-salvazzjoni.#Atti 13,16. 27In-nies ta’ Ġerusalemm u l-kapijiet tagħhom ma għarfux lil Ġesù, u anqas ma fehmu kliem il-profeti li jinqraw kull nhar ta’ Sibt; madankollu temmewhom huma stess billi kkundannawh għall-mewt.#Atti 3,17. 28Għalkemm ma sabux fuqiex setgħu jagħtuh il-mewt, talbu lil Pilatu biex ineħħilu ħajtu.#Mt 26,60; 27,22-23; Mk 14,55-59; 15,13-14; Lq 23,4; 14,22; Ġw 19,4-15. 29U meta temmew dak kollu li kien miktub fuqu, niżżluh mis-salib u qegħduh f’qabar.#Mt 27,59-60; Mk 15,46; Lq 23,53; Ġw 19,38-42. 30Imma Alla qajmu mill-imwiet.#Atti 2,24-32; 3,15; 4,10; 5,30; 10,40; 17,31. 31Għal ħafna jiem baqa’ jidher lil dawk li kienu jitilgħu miegħu mill-Galilija lejn Ġerusalemm, u li issa huma xhieda tiegħu quddiem il-poplu.#Lq 24,48; Atti 1,3-8; 2,32; 3,15; 5,32; 10,39-41. 32U għalhekk aħna qegħdin hawn, biex nagħtukom l-aħbar, li l-wegħda, li Alla kien għamel lil missirijietna,#Atti 13,23. 33temmha għalina, li aħna wliedhom, billi qajjem lil Ġesù mill-imwiet, kif hemm miktub fit-tieni salm,
‘Ibni int,
jien illum nissiltek.’ # S 2,7.
34U dwar li hu qajmu mill-imwiet, biex qatt aktar ma jerġa’ jġarrab it-taħsir, huwa qal hekk,
‘Il-ħwejjeġ qaddisa u żguri
li wegħedt lil David,
jiena nagħtihom lilkom.’
35Għalhekk jgħid ukoll band’oħra,
‘Int ma tħallix il-Qaddis tiegħek
iġarrab it-taħsir.’
36David, wara li fi żmienu għamel ir-rieda ta’ Alla, miet u nġabar ma’ missirijietu; u huwa ġarrab it-taħsir.#Mħ 2,10; 1 Slat 2,10; Atti 2,29. 37Imma dak li Alla qajmu mill-imwiet ma ġarrabx it-taħsir. 38Mela, l-aħwa, kunu afu dan: li permezz ta’ Ġesù qiegħda tixxandrilkom il-maħfra tad-dnubiet;#Atti 10,43; Lhud 9,9. 39permezz tiegħu, kull min jemmen ikun iġġustifikat minn dak kollu li minnu ma stajtux tkunu ġġustifikati bis-saħħa tal-Liġi ta’ Mosè.#Rum 4,25; 6,7; 10,4. 40Mela iftħu għajnejkom, li ma jiġix fuqkom dak li qalu l-profeti:
41 ‘Araw, intom li tmaqdru,
stagħġbu u għibu!
Għax se nagħmel ħaġa fi żmienkom,
ħaġa li qatt ma temmnuha
jekk xi ħadd jgħidilkom biha.’ ” # Ħab 1,5.
42Huma u ħerġin mis-sinagoga, in-nies bdew jitolbuhom biex is-Sibt ta’ wara jerġgħu jkellmuhom fuq dawn il-ħwejjeġ. 43U meta xterdet il-ġemgħa tas-sinagoga, ħafna, kemm mil-Lhud u kemm mill-prosèliti twajba#13,43: Prosèliti twajba: litteralment: nies li jaduraw lil Alla., marru ma’ Pawlu u ma’ Barnaba, u dawn ħeġġewhom biex jibqgħu fil-grazzja ta’ Alla.#Atti 11,23; 14,22.
44Is-Sibt ta’ wara, tista’ tgħid il-belt kollha nġabret biex tisma’ l-kelma tal-Mulej. 45Il-Lhud, meta raw il-folol, imtlew bl-għira u bdew imieru lil Pawlu u jidgħulu.#Atti 14,2. 46Imma Pawlu u Barnaba bil-kuraġġ kollu qalu: “Hekk kien meħtieġ, li l-kelma ta’ Alla titħabbar lilkom l-ewwel. Billi intom qegħdin twarrbuha, u jidhrilkom li ma tistħoqqilkomx il-ħajja ta’ dejjem, aħna se nduru fuq il-pagani.#Lq 7,30; Atti 3,26; 18,6. 47Għax hekk ordnalna l-Mulej,
‘Jien għamiltek dawl tal-ġnus,
biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art.’ ” # Is 49,6.
48Il-pagani, meta semgħu dan, bdew jifirħu u jigglorifikaw il-kelma tal-Mulej, u dawk kollha li kienu magħżula għall-ħajja ta’ dejjem emmnu.#Atti 11,18. 49Hekk il-kelma tal-Mulej baqgħet tixtered mal-art kollha. 50Imma l-Lhud xewxu n-nisa twajba u magħrufa u wkoll il-kbarat tal-belt, u qajmu persekuzzjoni kontra Pawlu u Barnaba u keċċewhom ’il barra minn arthom.#Atti 17,5. 51Huma farfru#13,51: Huma farfru: ara Mt 10,14; Mk 6,10; Lq 9,5. għal fuqhom it-trab minn ma’ riġlejhom u marru Ikonju.#Mt 10,14; Mk 6,11; Lq 9,5; 10,11; Atti 18,6. 52Iżda d-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 13: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in