YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 12

12
Kapitlu 12
Il-martirju ta’ Ġakbu u l-arrest ta’ Pietru
1Għall-ħabta ta’ dak iż-żmien, is-sultan Erodi#12,1: Erodi: Erodi Agrippa I, bin Aristobolu, li kien bin Erodi l-Kbir u l-ewwel mara tiegħu Marjammi. medd idu fuq xi wħud mill-Knisja biex jaħqarhom. 2Huwa qabad lil Ġakbu, ħu Ġwanni, u qatagħlu rasu. 3Imbagħad, meta ra li dan għoġob lil-Lhud, qabad lil Pietru wkoll. Dan kien fi żmien il-festa tal-Ażżmi. 4Meta arrestah u tefgħu l-ħabs, bagħat erba’ gruppi ta’ erba’ suldati kull wieħed biex joqogħdu għassa tiegħu, bil-ħsieb li, wara l-Għid, iressqu quddiem il-poplu.#Atti 4,3. 5Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs. Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob lil Alla għalih bil-ħerqa.#Ġak 5,16.
Pietru meħlus mill-ħabs
6Fil-lejl stess ta’ qabel ma Erodi kellu joħroġ lil Pietru, dan kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen; u kien hemm għases oħra mal-bieb tal-ħabs.#Atti 5,23. 7F’daqqa waħda deher anġlu tal-Mulej#12,7: Anġlu tal-Mulej: ara Mt 1,20., u dawl idda mal-kamra. L-anġlu ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajmu u qallu: “Qum malajr.” U l-ktajjen waqgħu minn ma’ idejh. 8Imbagħad l-anġlu qallu: “Tħażżem u ilbes il-qorq.” U Pietru hekk għamel. U raġa’ qallu: “Dawwar il-mantar miegħek u ejja warajja.” 9Pietru ħareġ u mar warajh, bla ma ntebaħ li dak li kien qiegħed jiġri permezz tal-anġlu kien veru; stħajjel li kienet xi viżjoni. 10Għaddew l-ewwel għassa, u t-tieni wkoll, u waslu ħdejn il-bieb tal-ħadid, li kien jagħti għall-belt, u dan infetaħ waħdu. Ħarġu, u mxew triq flimkien, meta f’daqqa waħda l-anġlu telaq minn ħdejh.#Atti 5,19. 11Imbagħad Pietru ġie f’tiegħu u qal: “Issa naf tassew li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qegħdin jistennew li jsir.” 12Meta għaraf x’kien ġara, telaq lejn id-dar ta’ Marija, omm Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku. Kien hemm ħafna miġbura jitolbu flimkien.#Atti 12,25; 15,37. 13Pietru ħabbat il-bieb ta’ barra u ġiet qaddejja, jisimha Roda, biex tara min kien. 14Mil-leħen għarfet li kien Pietru, u bil-ferħ li qabadha anqas biss fetħet il-bieb, iżda telqet tiġri ’l ġewwa u qaltilhom li barra, fil-bieb, kien hemm Pietru. 15“Qed thewden!” qalulha. Imma hi baqgħet tgħid li hekk kien. Huma mbagħad qalu: “Mela l-anġlu tiegħu#12,15: L-anġlu tiegħu: ara Mt 8,10; Lhud 1,14. Qabbel ma’ Tob 5,4.!”#Mt 18,10; Atti 26,24. 16Sadattant Pietru baqa’ jħabbat; marru jiftħu u baqgħu mistagħġba għall-aħħar kif rawh. 17Pietru għamlilhom sinjal b’idu biex jisktu u beda jgħidilhom kif il-Mulej ħarġu mill-ħabs. U qalilhom ukoll: “Agħtu din l-aħbar lil Ġakbu#12,17: Ġakbu: qarib ta’ Ġesù u kap tal-Knisja f’Ġerusalemm. u lill-aħwa l-oħra.” Imbagħad telaq ’il barra u mar f’post ieħor.#Atti 13,16; 21,40.
18Xħin sebaħ, is-suldati baqgħu mħawda mhux ftit fuq x’sata’ sar minn Pietru.#Atti 5,22-24. 19Erodi bagħat ifittxu u ma sabux; għalhekk stħarreġ lill-għassiesa u qatagħhielhom għall-mewt. Imbagħad mil-Lhudija niżel Ċesarija u baqa’ hemm.
Il-mewt ta’ Erodi
20Issa Erodi kien inkurlat għan-nies ta’ Tir u ta’ Sidon. Dawn ftiehmu bejniethom u marru għandu, u, wara li rnexxielhom idawru favur tagħhom lil Blastu, il-kamrier tas-sultan, talbu li jagħmlu paċi, għax l-għajxien tagħhom kien jiddependi minn art is-sultan.#Eżek 27,17. 21Fil-jum magħżul, Erodi, liebes l-ilbies ta’ sultan, ħa postu fuq it-tron u għamlilhom diskors. 22Il-poplu nfexx jgħajjat u jgħid: “Dan leħen ta’ alla, mhux ta’ bniedem!”#Eżek 28,2. 23Iżda minnufih anġlu tal-Mulej laqtu#12,23: Laqtu: Erodi Agrippa I miet fis-sena 44 WK. L-istoriku Lhudi Ġużeppi Flavju, li għex dak iż-żmien, isemmi l-mewt straordinarja u għal għarrieda tiegħu., għax ma tax il-glorja lil Alla; dar għalih id-dud u miet.#Dan 5,20; Atti 19,20.
24Imma l-kelma ta’ Alla baqgħet tikber u toktor. 25Barnaba u Sawl, wara li temmew il-ministeru tagħhom f’Ġerusalemm#12,25: Il-ministeru tagħhom f’Ġerusalemm: ara 11,30., reġgħu lura u ħadu magħhom lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku.#Atti 11,29-30; 12,12; 15,37.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in