YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 23

23
Kapitlu 23
David jiġġerra ’l hawn u ’l hinn
1U ħabbru lil David u qalulu: “Ara, il-Filistin ħabtu għal Kegħila u qegħdin jisirqu l-andrijiet.”#Ġoż 15,44. 2U David stħarreġ lill-Mulej u staqsieh: “Immur u naħbat għal dawn il-Filistin?” U l-Mulej wieġeb lil David: “Mur u aħbat għall-Filistin, u eħles lil Kegħila.”#1 Sam 28,6. 3U n-nies ta’ David qalulu: “Ara, aħna beżgħana hawn f’Ġuda; kemm aktar ikollna għax nibżgħu jekk immorru f’Kegħila kontra l-qtajja’ tal-Filistin?” 4U David raġa’ staqsa lill-Mulej; u l-Mulej wieġeb u qallu: “Qum, u inżel Kegħila, għax jien se nagħtik il-Filistin f’idejk.” 5U David mar Kegħila, hu u n-nies tiegħu, u ħabat għall-Filistin, u ħadilhom l-imrieħel tagħhom, u tahom xebgħa kbira. U David ħeles lin-nies ta’ Kegħila. 6Meta Abjatar bin Aħimelek ħarab għal għand David f’Kegħila, kellu l-efod f’idu.#1 Sam 22,20-23; 30,7.
7U ’l Sawl għarrfuh li David mar Kegħila, u Sawl qal: “Alla rħieh f’idejja, għax daħal u ngħalaq f’belt bil-bibien u l-istaneg.” 8U Sawl sejjaħ il-poplu kollu għall-gwerra biex jinżel Kegħila u jdawwar ’il David u n-nies tiegħu. 9U David sar jaf li Sawl kien qiegħed iħejji li jagħmillu d-deni, u qal lil Abjatar, il-qassis: “Newwel l-efod.”#1 Sam 2,28. 10U David qal: “Mulej, Alla ta’ Iżrael, il-qaddej tiegħek sama’ li Sawl qiegħed ifittex li jiġi għal Kegħila biex jeqridha minħabba fija. 11U issa tgħid in-nies ta’ Kegħila jerħuni f’idejh? Jinżel Sawl bħalma sama’ l-qaddej tiegħek? Mulej, Alla ta’ Iżrael, jekk jogħġbok, għarraf lill-qaddej tiegħek.” U l-Mulej wieġeb: “Iva, jinżel!” 12U ssokta David: “Jerħu n-nies ta’ Kegħila lili u ’l niesi f’idejn Sawl?” U l-Mulej wieġeb: “Iva, jerħuk.” 13Għalhekk David qam, u hu u n-nies tiegħu, xi sitt mitt raġel, ħarġu minn Kegħila jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn. Malli Sawl sar jaf li David ħarab minn Kegħila, ma baqax sejjer.
David fid-deżert ta’ Żif
14David imbagħad mar jistkenn fix-xagħri u jgħix fl-irdumijiet tad-deżert ta’ Żif. Sawl baqa’ dejjem ifittxu, iżda Alla ma rħiehx f’idejh. 15David kien jibża’, għax Sawl kien ħareġ ifittixlu ħajtu, u David qagħad fix-xagħri ta’ Żif f’Ħores.
16U Ġonatan bin Sawl qabad u mar ħdejn David f’Ħores u qawwielu qalbu f’Alla.#1 Sam 18,1; 20,8. 17U qallu: “La tibżax, għax Sawl missieri ma jaqbdikx f’idejh. Int għad issaltan fuq Iżrael, u jien inkun niġi warajk. U wkoll missieri jafu dan.” 18U t-tnejn għamlu patt quddiem il-Mulej. U David baqa’ jgħammar f’Ħores, u Ġonatan mar f’daru.
19In-nies ta’ Żif telgħu f’Gibgħa għand Sawl u qalulu: “Ma tafx li David jinsab mistoħbi għandna fl-irdumijiet ħdejn Ħores, fuq l-għolja ta’ Ħakila, fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta’ Ġesimon?#1 Sam 26,1-3; S 54. 20Issa, mela, sultan, la int tixtieq minn qalbek li tinżel, inżel, u mbagħad ħalli għalina li nerħuh f’idejk.” 21U Sawl wieġeb: “Imbierka intom mill-Mulej, għax tħassartuni.#2 Sam 2,5. 22Morru issa, u ħejju sewwa, tkixxfu, u araw fejn midd riġlu, u min rah hemm. Għax qaluli li moħħu jilħaqlu għall-aħħar. 23Araw u tkixxfu l-moħbiet kollha li jista’ jinħeba fihom, imbagħad ejjew għandi b’tagħrif sewwa u jien niġi magħkom. Jekk tassew jinsab fil-pajjiż, jien infittxu fil-familji ta’ Ġuda, waħda waħda.”
24U huma qamu u telqu lejn Żif qabel Sawl; u David bin-nies tiegħu kien fix-xagħri ta’ Magħon, fil-wita lejn in-Nofsinhar tax-xagħri ta’ Ġesimon.#1 Sam 25,2. 25U Sawl bin-nies tiegħu telaq ifittxu; u ’l David għarrfuh u niżel f’Sela, u baqa’ fid-deżert ta’ Magħon; u Sawl sama’ u mar għal wara David fid-deżert ta’ Magħon. 26U Sawl u n-nies tiegħu kienu miexja min-naħa l-waħda tal-għolja, u David u n-nies tiegħu min-naħa l-oħra. David kien qiegħed iħaffef biex jeħles minn Sawl, u Sawl u n-nies tiegħu kienu qegħdin idawru lil David u n-nies tiegħu biex jaqbduhom. 27Imma wasal messaġġier għand Sawl u qallu: “Fittex għaġġel u itlaq, għax il-Filistin daħlu fil-pajjiż.” 28U Sawl waqaf mill-ġiri wara David u mar jilqa’ l-Filistin. Għalhekk bdew isejħu dak il-post: Sela-ħammaħlekot#23,28: Sela-ħammaħlekot: isem li jfisser “Il-Blata tal-Firda”..

Currently Selected:

1 SAMWEL 23: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in