YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 24

24
Kapitlu 24
1U David tala’ minn hemm u mar fl-irdumijiet ta’ Għajn-geddi.#1 Sam 26,1-25.
David fl-għar ta’ Għajn-geddi
2U ġara li meta Sawl raġa’ lura minn wara l-Filistin għarrfuh u qalulu: “Ara, David qiegħed fix-xagħri ta’ Għajn-geddi.” 3Sawl ħa tlitt elef raġel magħżula minn fost Iżrael kollu, u mar ifittex lil David u n-nies tiegħu fuq in-naħa tal-Lvant ta’ Blat il-Mogħoż Selvaġġi. 4U wasal ħdejn l-imqawel tal-imrieħel fuq it-triq; kien hemm għar, u Sawl daħal fih biex jaqdi l-bżonnijiet tiegħu; u David u n-nies tiegħu kienu qegħdin ’il ġewwa nett tal-għar.#S 57. 5U n-nies ta’ David qalulu: “Ara, dan hu l-jum li għalih il-Mulej qallek: Ara, jien se nagħtik l-għadu tiegħek f’idejk, u tagħmel minnu kif jogħġbok.”
U David qam, u ċarrat bis-serqa l-keffa tal-mantar ta’ Sawl. 6U ġara li David stess ħass il-kuxjenza tniggżu għax qata’ l-keffa tal-mantar ta’ Sawl.#1 Sam 15,27. 7U qal lin-nies tiegħu: “Iħarisni l-Mulej! Ma jkun qatt li nagħmel dan lil sidi, il-midluk tal-Mulej, li mmidd idi fuqu, għax hu l-midluk tal-Mulej.”#1 Sam 10,1; 26,9; 31,4; 2 Sam 1,14. 8U David ipperswada lin-nies tiegħu bi kliemu, u ma ħallihomx iqumu għal Sawl. U Sawl qam u ħareġ mill-għar għal triqtu.
9Imbagħad wara dan David ħareġ mill-għar u beda jgħajjat wara Sawl u jgħidlu: “Sidi s-sultan!” U Sawl ħares lura, u David niżżel wiċċu sal-art quddiemu u sellimlu.
10U David qal lil Sawl: “Għaliex tisma’ milli jgħidulek in-nies: ‘Ara, David qiegħed ifittex jagħmillek id-deni.’ 11Ara, illum rajt b’għajnejk li l-Mulej illum erħiek f’idi fl-għar, imma jien ma ridtx noqtlok, għax għedt: ‘Ma mmiddx idi fuq sidi, għax hu l-midluk tal-Mulej.’ 12Ara, missieri, il-keffa tal-libsa tiegħek f’idejja. Jien qtajt il-keffa ta’ mantarek, u ma qtiltekx. Ara, u kun af li ma hemm ebda ħażen jew qerq f’idejja, u ma offendejtek b’xejn, u b’dan kollu int tistadli ħajti biex tneħħihieli.#Rum 12,19. 13Jagħmel ħaqq il-Mulej bejni u bejnek, u jitħallas minnek għalija l-Mulej. Imma idi ma tintrefax fuqek! 14Kif jgħid il-proverbju mill-qedem: ‘Mill-ħżiena joħroġ il-ħażen’; idi ma tintrafa’ qatt fuqek. 15Wara min ħareġ is-sultan ta’ Iżrael? Wara min qiegħed tiġri int? Wara kelb mejjet, wara bergħud!#2 Sam 9,8; 16,9. 16Ħa jkun imħallef il-Mulej, u jagħmel ħaqq bejni u bejnek, ħa jara u jqis il-kawża tiegħi, u jeħlisni minn idejk.”#1 Sam 26,19; S 35,1-3; 43,1.
17Meta David temm dan il-kliem, Sawl wieġeb: “Dan huwa leħnek, David, ibni?” U Sawl għolla leħnu u beka. 18U ssokta jgħid lil David: “Int bniedem sewwa aktar minni, għax int għamilt il-ġid miegħi u jien għamiltlek id-deni. 19Imma llum int għamilt ġid akbar miegħi, għaliex il-Mulej erħieni f’idejk u int ma qtiltnix. 20Kif jista’ jkun li wieħed ifittex l-għadu tiegħu, u mbagħad iħallih għaddej għal triqtu bis-sliem? Il-Mulej jimliek bil-ġid u r-riżq għal li għamilt miegħi llum. 21Illum għaraft li inti żgur issaltan, u f’idejk is-saltna ta’ Iżrael tkun fis-sod.#1 Sam 26,25. 22Għalhekk aħlifli bil-Mulej li ma tqaċċatx lil nisli li jiġi warajja, u li ma teqridx ismi minn dar missieri.”#2 Sam 9,1-3. 23U David ħalef lil Sawl. U Sawl telaq lejn daru; u David bin-nies tiegħu telqu lejn il-fortizza.

Currently Selected:

1 SAMWEL 24: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in