YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 21

21
Kapitlu 21
David imur Nob
1Qam u telaq, Ġonatan, mar fil-belt 2u David mar għand il-qassis Aħimelek f’Nob. U Aħimelek ħareġ qalbu ttaqtaq jilqa’ lil David u qallu: “Għala inti waħdek, u ma għandek lil ħadd miegħek?”#Is 10,32; Mk 2,26. 3U David wieġeb lil Aħimelek il-qassis: “Is-sultan ordnali u qalli: ‘Ħadd ma għandu jkun jaf xejn minn dak li għalih bgħattek u lanqas x’ordnajtlek.’ Għalhekk ftehemt mal-qaddejja li niltaqgħu x’imkien. 4U issa, x’għandek f’idejk? Ħames ħobżiet? Agħtini minnhom, jew minn dak li ssib.”#Lev 24,5. 5U l-qassis wieġeb lil David u qallu: “Ma għandix f’idejja ħobż li jista’ jieklu kulħadd; mhawnx ħlief ħobż ikkonsagrat. U l-qaddejja tiegħek żammew ruħhom għallanqas ’il bogħod min-nisa?”#Eż 25,30; Mt 12,3-4. 6U David wieġeb lill-qassis u qallu: “Iva! Kull meta noħorġu għall-ġlied dejjem niċċaħħdu min-nisa, u l-irġiel dejjem ikollhom ġisimhom safi mit-tinġis, għalkemm il-vjaġġ ma jkunx xi ħaġa qaddisa. Kemm aktar huma safja llum f’ġisimhom!” 7U l-qassis tah mill-ħobż ikkonsagrat, għax ma kellux ħlief il-ħobż tal-preżenza#21,7: Il-ħobż tal-preżenza: ara Eż 25,23-30; Lev 24,5-9. Dan il-ħobż ma setax jittiekel ħlief mill-qassisin. Għalhekk Aħimelek qiegħed jitlob li għallanqas David u sħabu jkunu legalment safja, ’il bogħod min-nisa tagħhom, għaliex l-att konjugali kien jirrendi lill-miżżewġin “impuri”, jiġifieri ma jistgħux jieħdu sehem fil-liturġija: ara Lev 15,18; Dt 23,11.. Dan jitneħħa minn quddiem il-Mulej, biex floku jitqiegħed ħobż frisk, dak in-nhar stess li jitneħħa l-qadim.#Lev 24,8; 1 Sam 22,9-10; Mt 12,3-4; Mk 2,26; Lq 6,3-5. 8Dak in-nhar kien hemm wieħed mill-qaddejja ta’ Sawl miżmum quddiem il-Mulej li kien jismu Duweg l-Idumi, l-aqwa fost ir-rgħajja ta’ Sawl.#1 Sam 22,9-10.
9U David qal lil Aħimelek: “Għandek xi xabla jew xi lanza f’idejk? Għax lanqas xabla jew lanza ma ħadt miegħi, għax l-ordni tas-sultan kien imgħaġġel.” 10U l-qassis wieġeb: “Ix-xabla ta’ Gulija l-Filisti, li int qtilt fil-wied ta’ Ela; hawn hi mkebba f’mantar wara l-efod. Jekk tridha ħudha, ma hawnx oħra ħliefha.” U David qallu: “Ma hawnx bħalha, agħtihieli.”#1 Sam 17,51-54.
David imur Gatt
11David qam dakinnhar u ħarab minn quddiem Sawl u mar għand Akis, sultan ta’ Gatt,#1 Sam 27.#1 Sam 18,7; 29,5. 12u l-qaddejja ta’ Akis qalulu: “Dan mhux David, sultan tal-pajjiż? Mhux għal dan żifnu u għannew u qalu:
‘L-eluf tiegħu qatel Sawl,
u David l-għaxriet tal-eluf tiegħu?’ ”
13U David żamm dan il-kliem f’qalbu, u baża’ ħafna minn Akis, sultan ta’ Gatt. 14U beda jagħmilha tal-iblah u jagħmel ħwejjeġ tal-ġenn quddiemhom; u jħażżeż fuq il-battenti ta’ bieb il-belt bil-lagħab nieżel ma’ lħitu. 15U Akis qal lill-qaddejja tiegħu: “Araw, dan bniedem miġnun! Għalfejn ġibtuhuli quddiemi? 16Jaqaw għandi bżonn l-imġienen biex ġibtuli ’l dan jitbellah quddiemi? Dan se jidħol f’dari?”

Currently Selected:

1 SAMWEL 21: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in