YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 15

15
Kapitlu 15
Sawl ikisser lill-Għamalekin
1Samwel qal lil Sawl: “Il-Mulej bagħatni nikkonsagrak sultan fuq il-poplu tiegħu Iżrael u issa isma’ l-kelma tal-Mulej. 2Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: ‘Qtajtha li nħallas lil Għamalek ta’ kulma għamel Għamalek lil Iżrael, meta għalaqlu t-triq hu u tiela’ mill-Eġittu.#Eż 17,8-16; Dt 25,17-19. 3Issa qum u aħbat għal Għamalek, u eqred lilu u kulma għandu; la tħennx għalih, eqridlu rġiel u nisa, tfal u trabi, baqar u nagħaġ, iġmla u ħmir.’ ”#Eż 17,16; Num 24,20; Ġoż 6,17; 1 Sam 27,8; 30,17.
4Imbagħad Sawl sejjaħ lill-poplu u għaddu f’Telam, u sab mitejn elf fanterija, u għaxart elef raġel minn Ġuda. 5Sawl wasal f’belt ta’ Għamalek, u waqaf jissajja fil-wied. 6Sawl qal lill-Kenin: “Itilqu, warrbu, u oħorġu minn nofs Għamalek, li ma neqridkomx magħhom. Intom urejtu ħniena ma’ wlied Iżrael kollha, huma u telgħin mill-Eġittu.” U l-Kenin warrbu minn nofs Għamalek.#Num 10,29; 24,21; Eż 17,8.
7Sawl kisser lil Għamalek minn Ħawila sa Sur, fil-Lvant tal-Eġittu.#1 Sam 27,8. 8U qabad ħaj lil Agag, sultan ta’ Għamalek, u qered il-poplu kollu b’xifer ix-xabla. 9U Sawl u l-poplu ħafruha lil Agag, u lill-aħjar tal-imrieħel u l-baqar, l-ismen fosthom u l-ħrief, u kulma kien tajjeb, u ma ridux jeqirduhom: imma qerdu kulma kien ħażin u ma jiswiex.
Samwel iċanfar lil Sawl
10U l-Mulej kellem lil Samwel u qallu: 11“Jisgħob bija li għamilt lil Sawl sultan#15,11: Jisgħob bija li għamilt lil Sawl sultan: espressjoni antropomorfika, jiġifieri ninqdew bil-kategoriji tagħna biex b’xi mod infissru għemil Alla, li jgħaddi l-moħħ tagħna l-bnedmin., għaliex raġa’ lura minn warajja, u ma żammx kliemi.” Samwel inkorla, u beda jgħajjat quddiem il-Mulej il-lejl kollu.#Ġen 6,7. 12Filgħodu qam kmieni u mar jiltaqa’ ma’ Sawl, u għarrfuh u qalulu: “Sawl mar lejn il-muntanja tal-Karmel, u hemm waqqaf plier b’tifkira għalih innifsu, u għadda u niżel Gilgal.” 13Samwel resaq lejn Sawl, u Sawl qallu: “Imbierek int mill-Mulej! Jien żammejt kelmet il-Mulej.” 14U Samwel wieġeb: “U x’inhu dan il-ħoss tal-imrieħel li wasal f’widnejja, u l-gargir tal-baqar li qiegħed nisma’?” 15U Sawl wieġeb: “Ġabuhom mingħand l-Għamalekin, għax il-poplu għoġbuh l-aħjar tal-imrieħel u l-baqar biex joffruhom b’sagrifiċċju lill-Mulej, Alla tiegħek, u l-bqija qridnieh.”
16Samwel qal lil Sawl: “Biżżejjed! Ħalli nuri x’qalli l-Mulej dal-lejl.” “Tkellem!” qallu dak. 17U Samwel qal: “Jaqaw mhux veru li, għalkemm int kont ċkejken f’għajnejk stess, int sirt prinċep fuq it-tribujiet ta’ Iżrael, u l-Mulej dilkek sultan ta’ Iżrael?#1 Sam 9,21. 18U l-Mulej bagħtek fi triqtek u qallek: ‘Mur u eqred dawk il-midinbin, l-Għamalekin; aħbat għalihom sakemm teqridhom għalkollox.’#1 Sam 28,18. 19L-għala, mela, ma smajtx mill-kelma tal-Mulej, u nxtħett fuq il-priża u għamilt il-ħażin f’għajnejn il-Mulej?”#1 Sam 14,32. 20U Sawl wieġeb lil Samwel: “Jien smajt mill-kelma tal-Mulej! U qbadt it-triq li fiha bagħatni l-Mulej, ġibt miegħi lil Agag, sultan ta’ Għamalek, u qridt l-Għamalekin. 21Il-poplu ħa mill-priża nagħaġ u baqar, l-aħjar minn dawk li kienu mitluqa għall-qerda, biex joffrihom lill-Mulej, Alla tiegħek, f’Gilgal.”#Lev 27,28. 22U Samwel wieġeb: “Jaqaw il-Mulej jogħġbuh il-vittmi tal-ħruq u s-sagrifiċċji aktar mis-smigħ tal-kelma tal-Mulej?
Ara, l-ubbidjenza hi aqwa
mis-sagrifiċċji;
is-smigħ, aħjar mix-xaħam tal-muntun.#Prov 21,3; Hos 6,6; Għam 5,21-25; Mt 9,13; 12,7; Mk 12,33; Lhud 10,8-9.
23Ir-ribelljoni daqs id-dnub tas-seħer,
u li twebbes rasek daqs il-ħażen tal-qima
tax-xbihat.
Għax int warrabt il-kelma tal-Mulej,
hu se jwarrab lilek minn sultan!”
24U Sawl qal lil Samwel: “Dnibt għax ksirt il-kelma tal-Mulej u kelmtek, għax bżajt mill-poplu u smajt minn kliemhom.#1 Sam 26,21. 25Issa aħfirli ħtijieti, u erġa’ ejja miegħi biex nagħti qima lill-Mulej.” 26U Samwel qal lil Sawl: “Ma nerġax niġi miegħek għax int warrabt il-kelma tal-Mulej, u l-Mulej warrab lilek, u ma tibqax iżjed sultan fuq Iżrael.”#1 Slat 11,11.
27Samwel dar biex jitlaq u Sawl qabadlu djul il-mantar u dan iċċarrat.#1 Sam 24,4. 28U Samwel qallu: “Il-Mulej illum ċarrat is-saltna ta’ Iżrael minn fuqek, u taha lil wieħed aħjar minnek.#1 Sam 28,17; 2 Sam 7,15-16; 1 Slat 11,30-31. 29Il-Mulej, il-glorja ta’ Iżrael, ma jigdibx u ma jbiddilx fehmtu, għax mhux bniedem biex jindem.”#Num 23,19. 30U Sawl wieġeb: “Dnibt! Imma issa agħtini l-ġieħ quddiem ix-xjuħ tal-poplu tiegħi u quddiem Iżrael. Erġa’ ejja miegħi, ħa nagħti l-qima lill-Mulej, Alla tiegħek!” 31U Samwel raġa’ mar ma’ Sawl, u Sawl ta qima lill-Mulej.
32U Samwel qal lil Sawl: “Ressaqli quddiemi lil Agag, is-sultan ta’ Għamalek.” U ġieblu quddiemu lil Agag is-sultan jitriegħed, u Agag qallu: “Tabilħaqq għadda l-imrar tal-mewt!” 33Imma Samwel wieġeb: “Bħalma int ċaħħadt b’idejk lil ħafna nisa minn uliedhom, hekk ommok tibqa’ bla wlied.” U lil Agag għamlu bċejjeċ quddiem il-Mulej f’Gilgal.#Eż 21,23. 34Imbagħad Samwel mar Rama, u Sawl raġa’ tala’ d-dar tiegħu f’Gibgħa ta’ Sawl. 35Qatt iżjed, sa ma miet, ma ra Samwel lil Sawl. Samwel beka lil Sawl; imma Alla nidem li kien għamel lil Sawl sultan ta’ Iżrael.#Ġen 6,6.

Currently Selected:

1 SAMWEL 15: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in