YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 13

13
Kapitlu 13
L-ewwel dnub ta’ Sawl
2U Sawl għażel#13,2: U Sawl għażel …: il-vers wieħed ma daħħalniehx billi fil-Lhudi huwa korrott għal kollox: Sawl kellu … sena meta sar sultan, u saltan tnejn … sena. Minħabba li huwa korrott dan il-vers tħalla barra mit-traduzzjoni Griega tas-Sebgħin. Skont Atti 13,21 Sawl saltan għal 40 sena, ċifra tonda. tlitt elef raġel minn Iżrael, elfejn minnhom kienu ma’ Sawl f’Mikmas fuq l-għolja ta’ Betel, u elf kienu ma’ Ġonatan fuq Gibgħa ta’ Benjamin, u l-bqija tan-nies bagħathom ilkoll, kulħadd fl-għarix tiegħu. 3Ġonatan ħabat għall-għassa tal-Filistin li kien hemm f’Geba; il-Filistin semgħu u Sawl daqq it-tromba fl-art kollha, u ħabbar: “Ħa jisimgħu l-Għebrej.”#Mħ 3,27; 6,34; 1 Sam 10,5; 14,1-15; 2 Sam 20,1-2. 4U Iżrael kollu semgħu u qalu: “Sawl ħabat għall-għassa tal-Filistin, u issa Iżrael mistmell fost il-Filistin.” U l-poplu nġama’ wara Sawl f’Gilgal.
5Il-Filistin inġabru biex jitqabdu kontra Iżrael bi tletin elf karru, u sitt elef ruħ fuq iż-żiemel, u poplu daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar; u telgħu u waqqfu l-kamp f’Mikmas fuq il-Lvant ta’ Bet-awen. 6Malli n-nies ta’ Iżrael raw li kienu marsusa u l-poplu megħlub, il-poplu staħba fl-għerien u l-ħofor, fil-blat, taħt l-art u fil-ġwiebi.#1 Sam 14,11. 7U ħafna mill-poplu qasmu l-Ġordan lejn l-art ta’ Gad u Gilgħad; imma Sawl baqa’ f’Gilgal, u l-poplu kollu mriegħed warajh.#1 Sam 15.
8U stenna sebat ijiem daqs kemm kien ftiehem miegħu Samwel; imma Samwel ma ġiex f’Gilgal u l-poplu beda jitilqu.#1 Sam 10,8. 9U Sawl qal: “Ġibuli l-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq u għas-sagrifiċċju tas-sliem.” U offra s-sagrifiċċju tal-ħruq. 10U ġara li kif temm joffri s-sagrifiċċju, wasal Samwel, u Sawl ħareġ jilqgħu u jagħtih il-merħba. 11U Samwel qallu: “X’għamilt?” U Sawl wieġeb: “Rajt li l-poplu beda tielaq minn miegħi u int ma ġejtx fil-jum li ftehemna, u l-Filistin inġabru f’Mikmas 12u għedt: ‘Issa l-Filistin jinżlu għalija f’Gilgal u jien ma nkunx tlabt lill-Mulej!’ Għalhekk għamilt il-qalb u offrejt is-sagrifiċċju.” 13U Samwel wieġeb lil Sawl: “Tbellaht li ma smajtx mill-ordni li tak il-Mulej, Alla tiegħek; kieku l-Mulej ġa wettaq is-saltna tiegħek fuq Iżrael għal dejjem. 14Issa s-saltna tiegħek ma żżommx. Il-Mulej ifittex bniedem ieħor għal qalbu, u l-Mulej iqiegħdu prinċep fuq il-poplu tiegħu, għax int ma smajtx dak li ordnalek il-Mulej.”#1 Sam 25,30; 2 Sam 7,15-16; S 78,70; Atti 13,22.
15U Samwel qam u tala’ minn Gilgal għal Gibgħa ta’ Benjamin; Sawl imbagħad għadd in-nies li kienu miegħu, li kienu jlaħħqu sitt mitt raġel.#1 Sam 14,2. 16U Sawl u ibnu Ġonatan, u l-poplu li kien magħhom, kienu qegħdin f’Gibgħa ta’ Benjamin u l-Filistin fil-kamp f’Mikmas.
17Mill-kamp tal-Filistin ħarġu tliet qatet ta’ nies għat-tħarbit, u tqassmu fi tliet toroq; waħda qabdet it-triq ta’ Għofra lejn il-pajjiż ta’ Sugħal; 18l-oħra, it-triq li tieħu għal Betħoron; u t-tielet waħda t-triq ta’ Geba, li tħares fuq il-wied ta’ Sebogħim, in-naħa tad-deżert.
19F’art Iżrael kollha ma kienx hemm ħaddied, għax il-Filistin kienu qalu: “Li ma jmorrux jagħmlu l-Għebrej xwabel u lanez!”#Mħ 5,8. 20U l-Iżraelin ilkoll kienu jinżlu għand il-Filistin isinnu kull wieħed is-sikka tiegħu u l-għatla tiegħu, u l-fies u l-minġel tiegħu. 21U t-tisnin tax-xifer tas-sikka u tal-għatla kien jitħallas bit-tielet waħda ta’ xekel, u hekk ukoll il-fies u t-traqqiq ta’ niggieża. 22U ġara li f’jum it-taqbida ma kinitx tinsab xabla jew lanza f’idejn il-poplu li kien ma’ Sawl u ma’ Ġonatan ibnu; kien hemm waħda biss għal Sawl, u oħra għal Ġonatan.
Ġonatan jaħbat għall-Filistin
23L-għassa tal-Filistin ħarġet u ħadu f’idejhom il-mogħdija ta’ Mikmas.#1 Sam 14,15.

Currently Selected:

1 SAMWEL 13: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in