YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 12

12
Kapitlu 12
Samwel jirtira
1U Samwel kellem lill-poplu ta’ Iżrael kollu: “Araw, jien smajt minn kliemkom f’kulma għedtuli, u għamiltilkom sultan fuqkom.#Ġoż 24,1-28.#1 Sam 8,7. 2U issa, araw, għandkom sultan li jimxi quddiemkom; u jien xjaħt u xagħri bjad, u wliedi hawn fostkom. Jien għext taħt għajnejkom sa minn żgħoriti sal-lum.#Num 27,16-17. 3Hawn jien: ixhdu għalija quddiem il-Mulej u s-sultan il-midluk tiegħu. Lil min jien qatt ħadt xi gendus, u l-ħmar ta’ minn qatt ħadt? Lil min qatt sraqt? Lil min qatt ħraqt? Mingħand minn qatt ħadt jien xi rigal biex għamieli għajnejja? Ixhdu għalija, u jien irroddhulkom.”#Eż 20,17; 23,8; Num 16,15; Dt 16,19; 1 Sam 8,11-17; Sir 46,19.
4U huma wieġbu: “Int qatt ma sraqtna, u qatt ma ħqartna, u qatt ma ħadt xejn minn għandna.” 5U hu qalilhom: “Jixhed il-Mulej għalikom, u jixhed is-sultan il-midluk tiegħu li ma sibtu xejn f’idejja minn ħwejjiġkom.” U wieġbu: “Huwa xhud!”
6U Samwel qal lill-poplu: “Iva, il-Mulej kien li qajjem lil Mosè u lil Aron, u li talla’ ’l missirijietkom mill-art tal-Eġittu.#Mik 6,4. 7Mela issa, ersqu ’l hawn ħalli nagħmel ġudizzju minnkom quddiem il-Mulej, u ngħidilkom il-ġid kollu li l-Mulej għamel magħkom, u ma’ missirijietkom. 8Meta niżel Ġakobb l-Eġittu, u hemm ħaqruhom l-Eġizzjani, missirijietkom għajtu lill-Mulej, u l-Mulej bagħat lil Mosè u lil Aron, u ħarġu lil missirijietkom mill-Eġittu u qegħduhom f’dan il-post.#Ġen 46,5; Eż 1,11; 2,23-24. 9Imma huma nsew lill-Mulej, Alla tagħhom, u biegħhom f’idejn Sisera, il-kmandant tal-eżerċtu ta’ Ħasor, u f’idejn il-Filistin, u f’idejn is-sultan ta’ Mowab, u għamlulhom gwerra.#Mħ 3,12-14; 4,2-3; 10,7. 10U huma għajtu lill-Mulej u qalu: ‘Dnibna, għax tlaqna lill-Mulej u qdejna lill-Bagħlim u Għastarot. Issa eħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, u naqduk.’#1 Sam 7,3-4.
11“U l-Mulej bagħat lil Ġerub-bagħal, u lil Barak, u ’l Ġeftaħ, u ’l Samwel. U ħeliskom minn idejn l-għedewwa ta’ madwarkom, u għextu fis-sliem u fiż-żgur.#Mħ 6—8. 12Meta rajtu li Naħas, is-sultan ta’ wlied Għammon, ġej għalikom, għedtuli: ‘Le! Sultan għandu jsaltan fuqna,’ filwaqt li l-Mulej, Alla tagħkom, hu s-sultan tagħkom.#Mħ 8,23; 1 Sam 8,6-7. 13Araw issa s-sultan li intom ħtartu, li intom tlabtu. Araw, il-Mulej għamlilkom sultan fuqkom.#1 Sam 8,7. 14Jekk intom tibżgħu mill-Mulej, u taqduh, u tisimgħu minn kliemu, u ma tmerux li jgħidilkom il-Mulej, jekk intom u s-sultan tagħkom, li jsaltan fuqkom, timxu wara l-Mulej, Alla tagħkom, intom tgħixu. 15Imma jekk ma tisimgħux minn kliem il-Mulej, u tmieru dak li jgħidilkom il-Mulej, id il-Mulej tkun fuqkom, u fuq is-sultan tagħkom.
16“U issa oqogħdu, u araw dan l-għaġeb kbir, li se jagħmel il-Mulej quddiem għajnejkom. 17Mhuwiex żmien il-ħsad illum? Jien insejjaħ il-Mulej u jibgħat ragħad u xita, u tkunu tafu u taraw x’ħażen kbir għamiltu f’għajnejn il-Mulej meta tlabtu sultan għalikom.”#Eż 9,23; 1 Slat 18,1. 18U Samwel sejjaħ il-Mulej, u l-Mulej bagħat ragħad u xita dakinhar, u l-poplu baża’ ħafna mill-Mulej u minn Samwel. 19U l-poplu kollu qal lil Samwel: “Itlob għall-qaddejja tiegħek lill-Mulej, Alla tiegħek, li ma mmutux għax issuktajna nżidu ma’ ħtijietna kollha billi tlabna sultan fuqna.” 20U Samwel wieġeb lill-poplu: “La tibżgħux! Intom għamiltu dan il-ħażen kollu; madankollu twarrbux mill-Mulej, imma aqdu lill-Mulej b’qalbkom kollha. 21La ddurux għal wara l-allat fiergħa, li ma jistgħux u la jgħinukom u lanqas isalvawkom, għax huma allat foloz.#Dt 32,37-39. 22Żgur li l-Mulej ma jarmix il-poplu tiegħu minħabba l-kobor ta’ ismu; għax il-Mulej għoġbu jagħmel minnkom il-poplu tiegħu.#Dt 7,6; Ġer 14,21; Eżek 20,9. 23Min-naħa tiegħi, imbagħad ma jkun qatt li nidneb u ma nitlobx għalikom quddiem il-Mulej, u ma nurikomx it-triq it-tajba u s-sewwa.#Eż 32,11. 24Biss ibżgħu mill-Mulej u aqduh minn qalbkom bis-sinċerità kollha. Qisu dejjem il-ħwejjeġ kbar li għamel magħkom. 25Imma jekk tagħmlu l-ħażin tinqerdu, intom u s-sultan tagħkom.”

Currently Selected:

1 SAMWEL 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in