YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 11

11
Kapitlu 11
L-ewwel rebħa ta’ Sawl
1Xi xahar wara, Naħas l-Għammoni tala’ u waqqaf il-kamp f’Ġabes-gilgħad, u n-nies kollha ta’ Ġabes qalu lil Naħas: “Agħmel patt magħna u naqduk.” 2U Naħas l-Għammoni weġibhom: “B’din il-kondizzjoni nagħmel patt magħkom. Naqlgħalkom ilkoll għajnkom il-leminija, u dan nagħmlu biex inġib l-għajb fuq Iżrael kollu.” 3U x-xjuħ ta’ Ġabes weġbuh: “Agħtina sebat ijiem żmien biex nibagħtu messaġġiera fl-inħawi kollha ta’ Iżrael, u jekk ma jkun hemm ħadd li jsalvana, aħna nċedulek.”
4U l-messaġġiera ġew f’Gibgħa ta’ Sawl, u tennew dan il-kliem li jismagħhom il-poplu, u l-poplu kollu għollew leħinhom u bdew jibku. 5U ara, Sawl kien ġej lura bil-baqar mill-għalqa u staqsiehom: “X’għandu l-poplu biex qiegħed jibki?” U qalulu x’bagħtu jgħidulhom in-nies ta’ Ġabes. 6U malli sama’ dan il-kliem l-ispirtu ta’ Alla ħataf lil Sawl, u dan saħan u inkorla bis-sħiħ.#Mħ 3,10; 14,6; 1 Sam 10,10; 16,13. 7Qabad żewġ gniedes, qattagħhom bċejjeċ, u bagħathom fl-inħawi kollha ta’ art Iżrael ma’ messaġġiera u qal: “Min ma joħroġx wara Sawl u Samwel, hekk jiġrilu mill-gniedes tiegħu.” U waqa’ l-biża’ tal-Mulej fuq il-poplu kollu u nġabru bħal bniedem wieħed.#Mħ 19,29; 1 Slat 11,30. 8Imbagħad għaddhom f’Beżek u kienu wlied Iżrael ilaħħqu tliet mitt elf ruħ u n-nies ta’ Ġuda tletin elf. 9U qal lill-messaġġiera li kienu ġew: “Dan għidu lin-nies ta’ Ġabes-gilgħad: ‘Għada malli tisħon ix-xemx, ikollkom is-salvazzjoni.’ ” U l-messaġġiera marru, u għarrfu b’dan lin-nies ta’ Ġabes-gilgħad u dawn ferħu. 10U n-nies ta’ Ġabes-gilgħad imbagħad qalu lil Naħas: “Għada niġu għandkom, u għamlulna kulma jogħġobkom.”
11L-għada Sawl qassam il-poplu fi tliet qtajja’, u daħlu f’nofs il-kamp fis-sahra ta’ filgħodu, u ħabtu għall-Għammonin sa ma saħnet ix-xemx. U dawk li ħelsu xterdu b’mod li ma baqax tnejn minnhom flimkien.#Eż 14,24.
12Imbagħad il-poplu qal lil Samwel: “Min qal: ‘Huwa Sawl sa jsaltan fuqna?’ Agħtina ’l dawn in-nies, ħa noqtluhom.”#1 Sam 10,27. 13U Sawl qalilhom: “Ma jmut ebda bniedem illum, għax illum il-Mulej salva lil Iżrael.”#2 Sam 19,23.
14U Samwel qal lill-poplu: “Qumu, ħa mmorru f’Gilgal u hemm inwettqu s-saltna#11,14: Qumu, ħa mmorru f’Gilgal u hemm inwettqu s-saltna: Gilgal, ftit ’il bogħod minn Ġeriko, kien hemm santwarju b’tifkira ta’ dak li ġara hemm fi żmien Ġożwè: ara Ġoż 4,20; 5,9. Hawn se jikkonfermaw dak li diġà kien sar f’Misfa, 10,17-24..” 15U marru l-poplu kollu f’Gilgal, u pproklamaw hemm lil Sawl sultan quddiem il-Mulej f’Gilgal; u offrew sagrifiċċji tas-sliem; u Sawl u l-poplu kollu ta’ Iżrael ferħu u għamlu festa kbira.#Lev 3,1; Ġoż 4,19.

Currently Selected:

1 SAMWEL 11: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in