ĠWANNI 6
6
Kapitlu 6
Ġesù jitma’ ħamest elef
(Mt 14,13-21; Mk 6,30-44; Lq 9,10-17)
1Wara dan, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija#6,1: In-naħa l-oħra… Tiberja: ara nota Mt 4,18; Lq 5,1. Tiberja kienet belt mibnija minn Erodi Antipa fuq ix-xatt tal-Punent tal-għadira. L-abitanti tagħha fi żmien Ġesù kienu pagani.. 2Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda.#Mt 4,25; 8,1; 12,15; 19,2; 20,29; Mk 5,24; Lq 9,11; Ġw 2,23; 6,14. 3Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu.#Mt 5,1; 24,3; Mk 3,13; Lq 22,39. 4Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.#Lq 22,1; Ġw 2,13; 11,55. 5Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” 6Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. 7Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit.” 8Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu:#Mt 4,18; 10,2; Mk 1,16; Lq 6,14; Ġw 1,40. 9“Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” 10“Qiegħdu n-nies bilqiegħda,” qal Ġesù. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. 11Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. 12Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela.” 13Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu. 14Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”#Dt 18,15.18; Atti 3,22; 7,37. 15Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.#Mt 14,23; 15,29; Lq 6,12; Ġw 18,33.
Ġesù jimxi fuq il-baħar
(Mt 14,22-33; Mk 6,45-52)
16Xħin sar filgħaxija, id-dixxipli tiegħu niżlu ħdejn il-baħar, 17rikbu dgħajsa u ġibdu għax-xatt l-ieħor tal-baħar, lejn Kafarnahum. Kien ġa dalam, u Ġesù kien għadu ma ġiex jilħaqhom. 18Il-baħar kien qam sewwa, għax kien qiegħed jonfoħ riħ qawwi. 19Mela wara li kienu qadfu xi ħamsa u għoxrin jew tletin stadju#6,19: Stadju: id-distanza msemmija tiġi xi ħames jew sitt kilometri., raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar riesaq lejn id-dgħajsa, u beżgħu. 20Imma hu qalilhom: “Jiena hu, la tibżgħux.”#Mt 14,27. 21Għalhekk riedu jtellgħuh fuq id-dgħajsa, iżda minnufih id-dgħajsa messet l-art fejn kienu sejrin.
Ġesù hu l-ħobż tal-ħajja
22L-għada, in-nies li kienu għadhom in-naħa l-oħra tal-baħar raw li hemmhekk ma kienx hemm ħlief dgħajsa waħda u li Ġesù ma kienx tela’ fiha mad-dixxipli tiegħu, imma li d-dixxipli kienu marru weħidhom. 23Mela waslu xi dgħajjes oħra minn Tiberija qrib fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien radd il-ħajr.#Ġw 6,11. 24Iżda n-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.
25U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?” 26Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.#Ġw 6,11-12. 27Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu#6,27: Lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu: is-siġill fuq dokument jew ittra kien sinjal ta’ awtentiċità: jiġifieri, mela, Bin il-bniedem għandu l-awtorità tal-Missier..”#Ġw 4,14; 6,50-58. 28Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” 29Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat.” 30Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel?#Ġw 2,18. 31Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub, ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema.’ ”#Eż 16,15; Num 11,7-9; Neħ 9,15; S 78,24; Ġw 6,49-58; S 105,40. 32Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; 33għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.”#Ġw 6,41-51.
34“Sinjur,” qalulu huma, “agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”#Mt 6,11; Lq 11,3. 35Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.#Ġw 4,14; 6,48-58. 36Imma jiena ġa għedtilkom li, għalkemm rajtuni, ma emmintux.#Ġw 20,29. 37Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra;#Mt 11,28; Ġw 17,2-7. 38għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.#Mt 26,39; Mk 14,36; Lq 22,42; Ġw 4,34; 5,30. 39Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.#Ġw 10,28.29; 17,12; 18,9. #Ġw 6,44-54; 11,24. 40Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.”
41Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, ‘Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.’#Ġw 6,33-51. 42U bdew jgħidu: “Dan m’huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, ‘Jiena nżilt mis-sema’?”#Mt 13,55; Mk 6,3; Lq 4,22. 43Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. 44Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.#Ġw 6,39-40; 11,24. 45Hemm miktub fil-Profeti, ‘U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.’ Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.#Is 54,13. 46Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier.#Ġw 1,18. 47Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem#6,47: Min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem: xi manuskritti jġibu: min jemmen fija….#Ġw 3,15-16. 48Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.#Ġw 6,35. 49Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu;#Ġw 6,31. 50dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.#Ġw 6,33. 51Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.”
52Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?” 53Ġesù mela qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. 54Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.#Ġw 6,39-44. 55Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb. 56Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. 57Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. 58Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m’huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.” 59Dan qalu huwa u jgħallem fis-sinagoga, f’Kafarnahum.
Il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem
60Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” 61Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? 62Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel?#Atti 1,9-11. 63Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.#2 Kor 3,6. 64Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux.” Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih.#Ġw 13,11. 65U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.”#Ġw 6,14. 66Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. 67Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?” 68Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem,#Ġw 6,63. 69u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.”#Mk 1,24; Lq 4,34. 70Qalilhom Ġesù: “Mhux jien kont li għażiltkom lilkom it-Tnax? U madankollu wieħed minnkom huwa xitan.” 71Kien qiegħed jgħid għal Ġuda ta’ Xmun l-Iskarjota, għax kien hu li kellu jittradih, hu, wieħed mit-Tnax.#Ġw 12,4.
Valið núna:
ĠWANNI 6: MB20
Áherslumerki
Deildu
Afrita
![None](/_next/image?url=https%3A%2F%2Fimageproxy.youversionapi.com%2F58%2Fhttps%3A%2F%2Fweb-assets.youversion.com%2Fapp-icons%2Fis.png&w=128&q=75)
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.