YouVersion Logo
Search Icon

RUMANI 5

5
Kapitlu 5
Il-frott tal-ġustifikazzjoni
1Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla#5,1: Għandna s-sliem ma’ Alla: Mss oħra ħa jkollna s-sliem ma’ Alla!, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu;#Rum 3,24-28. 2permezz tiegħu għandna d-dħul#5,2: Għandna d-dħul: xi Mss hawn iżidu permezz tal-fidi. bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.#Ef 2,18; 3,12. 3Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar,#Ġak 1,2-3; 1 Pt 1,5-7. 4is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. 5U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla#5,5: L-imħabba ta’ Alla: jiġifieri l-imħabba li Alla għandu għalina. ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.#S 22,6; 25,20; Lhud 6,18-19.
6Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. 7Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. 8Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.#Ġw 3,16; 1 Ġw 4,10. 9Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla!#Rum 1,18; 2,5-8. 10Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu?#Rum 8,7-9. 11Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.
Kristu u Adam
12Għalhekk, bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub,
u permezz tad-dnub il-mewt,
u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha,
għax kollha dinbu#5,12: Għax kollha dinbu: traduzzjonijiet oħra possibbli: (a) li minħabba fih jiġifieri Adam … (b) u minħabba fiha, jiġifieri, il-mewt … Sentenza oħra mhijiex kompluta! Il-paragun ma jkomplihx; jerġa’ għalih fil-versi 15 u 18; ara 9,24; 15,23-24; 2 Kor 5,6-7; Ef 2,2; 3,1.#Ġen 2,17; 3,6-19; Rum 6,23.
13Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja:
imma d-dnub ma kienx magħdud,
ladarba Liġi ma kienx hemm.#Rum 4,15.
14Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, imqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam,
li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi#5,14: Dak li kellu jiġi: jiġifieri Kristu..#1 Kor 15,21-22.
15Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija.
Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra,
aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u
d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu,
xterdu bil-bosta fuq il-kotra.
16U d-don anqas ma hu bħall-frott ta’ dak il-wieħed li dineb; għax tassew,
il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed wassal sal-kundanna, iżda d-don mogħti wara ħafna dnubiet iwassal għall-ġustifikazzjoni.
17Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta’ dak il-wieħed,
aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra
tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja
għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu.
18Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha,
hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet lill-bnedmin kollha
l-ġustifikazzjoni tal-ħajja.#1 Kor 15,22. 19Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin,
hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed
il-ħafna jsiru ġusti.#Is 53,11.
20Il-Liġi daħlet, biex kotru d-dnubiet; fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.#Rum 4,15; 7,8; Gal 3,19.
21B’hekk, kif id-dnub saltan permezz tal-mewt,
hekk issa l-grazzja ssaltan
permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta’ dejjem
bis-saħħa ta’ Ġesù Kristu Sidna.#Rum 6,23.

Currently Selected:

RUMANI 5: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in