YouVersion Logo
Search Icon

MARK 12

12
Kapitlu 12
Il-parabbola tal-għalqa u l-bdiewa
(Mt 21,33-46; Lq 20,9-19)
1U beda jkellimhom bil-parabboli: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.#Is 5,1-2. 2Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott tal-għalqa. 3Iżda huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh lura idu f’idu. 4Raġa’ bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu. 5Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom. 6Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal.#Ġen 22,2; Mt 3,17; 17,5; Mk 1,11; Lq 3,22; 2 Pt 1,17. 7Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa’ fuqna.’ 8Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa.#Lhud 13,12. 9X’jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor. 10Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu,
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka: # S 118,22-23. #Atti 4,11; 1 Pt 2,7.
11 bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan;
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?”
12Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.#Mt 14,5; Lq 22,2.
Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi
(Mt 22,15-22; Lq 20,20-26)
13Imbagħad bagħtulu xi Fariżej u Erodjani#12,13: Erodjani: ara nota 3,6. biex jonsbuh f’xi kelma.#Mk 3,6. 14Ġew u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b’ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi. Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari? 15Għandna jew ma għandniex inħallsuha?” Imma hu ntebaħ bil-wiċċ b’ieħor tagħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu tinbxuni? Newluli dinar ħa narah.” 16Newlulu dinar#12,16: Dinar: munita li fuqha kien hemm minqux wiċċ l-imperatur Ċesari., u hu staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?” Qalulu: “Ta’ Ċesari!” 17Qalilhom imbagħad Ġesù: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.” U stagħġbu ħafna bih.#Rum 13,7.
Ġesù mistoqsi dwar il-qawmien mill-imwiet
(Mt 22,23-33; Lq 20,27-40)
18Mela resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u għamlulu din il-mistoqsija:#Atti 23,8. 19“Mgħallem, Mosè ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh lil martu bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla hu biex inissel ulied għal ħuh.#Ġen 38,8; Dt 25,5. 20Mela jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla ma ħalla tfal. 21It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla wlied; hekk ukoll it-tielet, 22u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. 23Issa fil-qawmien tal-imwiet, meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha.” 24Qalilhom Ġesù: “U mhux għalhekk tiżbaljaw intom? Għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla! 25Għax il-bnedmin, meta jqumu mill-imwiet, la jiżżewġu u lanqas iżewġu, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet. 26Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, fil-ktieb ta’ Mosè, fejn jissemma l-għollieq, ma qrajtux kif Alla qallu: Jiena Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb?#Eż 3,2-16. 27Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball għall-aħħar.”
Il-kmandament il-kbir
(Mt 22,34-40; Lq 10,25-28)
28Wieħed mill-kittieba semagħhom jitlewmu bejniethom, u, meta ra kemm Ġesù kien weġibhom tajjeb, resaq fuqu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” 29Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu,#Dt 6,4-5; Ġoż 22,5; Lq 10,27. 30u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. 31U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.”#Lev 19,18; Rum 13,9; Gal 5,14; Ġak 2,8. 32Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu.#Is 45,21; Lq 20,39. 33Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.”#Lev 19,18; Dt 6,5; Ġoż 22,5; Lq 10,27; Rum 13,9; Gal 5,14; Ġak 2,8. 34Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.
Il-Messija Sid David
(Mt 22,41-46; Lq 20,41-44)
35Darba, hu u jgħallem fit-tempju, Ġesù qabad u qal: “Din kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David! 36David stess, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, qal,
‘Il-Mulej qal lil Sidi:
Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,
sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejk.’ # S 110,1; Atti 2,34-35; 1 Kor 15,25; Lhud 1,13.
37Jekk David stess sejjaħlu Sidu, mela kif inhu ibnu?” U dik il-kotra kbira ta’ nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha.#Lq 19,48; 21,38.
Ġesù jikkundanna l-ipokrisija tal-kittieba
(Mt 23,6-36; Lq 11,37-54; 20,45-47)
38Hu u jgħallimhom qal ukoll: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, 39u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; 40iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”
L-offerta tal-armla
(Lq 21,1-4)
41Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. 42Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet. 43Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. 44Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”#2 Slat 12,9; Ġw 8,20.

Currently Selected:

MARK 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in