YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 22

22
Kapitlu 22
1“Ħbieb, l-aħwa u missirijieti, issa isimgħu d-difiża tiegħi quddiemkom.”#Atti 7,2. 2Malli semgħuh ikellimhom bil-Lhudi, aktar qagħdu bi kwiethom. U hu ssokta jgħid: 3“Jiena Lhudi; twelidt f’Tarsu taċ-Ċiliċja, imma trabbejt f’din il-belt f’riġlejn Gamaljel#22,3: F’riġlejn Gamaljel: ara 5,34. Id-dixxipli kienu joqogħdu bilqiegħda fl-art jisimgħu lill-imgħallem. Gamaljel kien wieħed mill-aktar Rabbin magħrufa fi żmienu. u tħarriġt bir-reqqa fil-ħarsien tal-Liġi ta’ missirijietna; jien mimli ħeġġa għal Alla, kif ukoll intom ilkoll illum.#Atti 5,34; 21,39; Rum 10,2. 4Jien ħadtha sal-mewt kontra min qabad din it-Triq tal-Mulej, u rbatt u tfajt il-ħabs irġiel u nisa,#Atti 8,3; 22,19; 26,9-11. 5kif jista’ jixhidli l-qassis il-kbir u l-Kunsill kollu tax-xjuħ. Kien mingħandhom li jien ħadt ittri għal ħutna, u mort Damasku biex lil dawk ukoll li kienu hemm inġibhom marbutin Ġerusalemm u jkunu kkastigati.
Pawlu jirrakkonta l-konverżjoni tiegħu
(Atti 9,1-9; 26,12-18)
6“Imma jien u sejjer, kif kont qrib Damasku, f’daqqa waħda għall-ħabta ta’ nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari. 7Waqajt mal-art, u smajt leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl#22,7: Sawl, Sawl: ara nota 9,4., għaliex qiegħed tippersegwitani?’ 8Jien weġibt, ‘Min int, Mulej?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù ta’ Nazaret#22,8: Ta’ Nazaret: ara nota Mt 26,71., li int qiegħed tippersegwitah.’ 9Dawk li kienu miegħi raw id-dawl, imma ma semgħux il-leħen ta’ min kien ikellimni.#Għerf 18,1. 10Imbagħad jien għedt, ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’ U l-Mulej qalli, ‘Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel.’ 11Billi ma stajtx nara minħabba d-dija ta’ dak id-dawl, mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi, u hekk wasalt Damasku.
12“Hemmhekk kien hemm wieħed, jismu Ħananija, raġel sewwa skont il-Liġi, li kellu fama tajba mal-Lhud li kienu joqogħdu hemm; 13ġie għandi, resaq fuqi u qalli, ‘Sawl, ħija, ħu d-dawl.’ Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh. 14Imbagħad hu qalli, ‘Alla ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. 15Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. 16U issa x’int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu.’#Ġoel 3,5; Atti 2,21; Rum 10,13.
Pawlu msejjaħ biex jippriedka lill-pagani
17“Erġajt lura lejn Ġerusalemm, u waqt li darba kont qiegħed nitlob fit-tempju, dħalt f’estasi. 18Rajt lill-Mulej u qalli, ‘Fittex oħroġ malajr minn Ġerusalemm, għax mhumiex se jilqgħu x-xhieda tiegħek għalija.’#Atti 9,29-30. 19Jiena weġibt, ‘Mulej, huma jafu li jien kont immur minn sinagoga għal oħra nitfa’ l-ħabs u nsawwat lil dawk li jemmnu fik.#Atti 8,3; 22,4-5; 26,9-11. 20U meta kienu qegħdin ixerrdu d-demm ta’ Stiefnu, ix-xhud tiegħek, jien ukoll kont hemm u qbilt magħhom u qgħadt għassa tal-ħwejjeġ ta’ dawk li kienu qegħdin iħaġġruh#Atti 7,58; 8,1..’ 21Imma hu qalli, ‘Mur, għax jien se nibagħtek ’il bogħod, fost il-pagani.’ ”#Atti 9,15; 13,2; Gal 2,7-9.
Pawlu u l-fizzjal Ruman
22Sa hawn qagħdu jisimgħuh. Imbagħad qabdu jgħajtu u jgħidu: “Eqirduh mid-dinja, bniedem bħal dan! Ma ħaqqux jgħix!”#Atti 21,36. 23Bdew jgħajtu, ixejru ħwejjiġhom u jwaddbu t-trab fl-ajru. 24Il-fizzjal ordna li jdaħħlu lil Pawlu fil-fortizza u jagħtuh is-swat, ħalli b’hekk jistħarrġu u jsir jaf mingħandu l-għala kienu qegħdin jgħajtu kontra tiegħu. 25Xħin rabtuh biex isawtuh Pawlu qal liċ-ċenturjun li kien wieqaf ħdejh: “Tistgħu ssawtu ċittadin Ruman bla ma jsir ħaqq minnu?”#Atti 16,37; 23,27. 26Malli ċ-ċenturjun sama’ dan, mar għand il-fizzjal jagħtih din l-aħbar u qallu: “Hemm x’se tagħmel? Dan ir-raġel ċittadin Ruman!” 27Il-fizzjal mar ħdejn Pawlu u staqsieh: “Għidli: int ċittadin Ruman?” Wieġbu: “Iva.” 28Il-fizzjal qallu: “Biex jien ksibt din iċ-ċittadinanza kelli nħallas somma kbira.” U Pawlu qallu: “U jien twelidt hekk.” 29Għalhekk dawk li kienu se jistħarrġuh bis-swat warrbu malajr minn ħdejh; u l-fizzjal stess beża’ meta sar jaf li kien ċittadin Ruman u li kien rabtu bil-ktajjen.#Atti 16,28.
Pawlu quddiem is-Sinedriju
30Billi ried jaf sewwa biex kienu qegħdin jakkużawh il-Lhud, l-għada ħallu mill-irbit u ordna li jiltaqgħu l-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu; imbagħad bagħat iġib lil Pawlu u ressqu quddiemhom.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 22: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in