YouVersion Logo
Search Icon

1 KORINTIN 6

6
Kapitlu 6
Quddiem il-qrati pagani
1Hemm xi ħadd fostkom li, meta jkollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, għandu l-ħila jfittex il-ġustizzja għand il-pagani u mhux għand il-qaddisin? 2Jaqaw ma tafux li l-qaddisin għad jagħmlu ħaqq mid-dinja? U jekk id-dinja għad irid isirilha ħaqq minnkom, ma jixirqilkomx intom tagħmlu ħaqq minn ħwejjeġ ta’ xejn?#Għerf 3,8; Dan 7,22; Apk 3,21. 3Ma tafux li aħna għad nagħmlu ħaqq mill-anġli? Kemm iktar, mela, mill-ħwejjeġ ta’ din il-ħajja! 4Mela, meta intom ikollkom xi tgħidu bejnietkom fuq ħwejjeġ ta’ din il-ħajja, tqegħdux imħallfin lil dawk li huma mistmerra mill-Knisja! 5Dan qiegħed ngħidu għall-mistħija tagħkom; jaqaw ma għandkomx fostkom xi ħadd għaref li jista’ jagħmel ħaqq bejn l-aħwa? 6Imma l-aħwa jħarrku ’l xulxin, u dan quddiem il-pagani! 7U mhux ġa nuqqas għalikom li jkollkom kawżi bejnietkom? L-għala ma ssofrux l-inġustizzja? L-għala ma tagħżlux li tħallu min iqarraq bikom?#Mt 5,39; 1 Tess 5,15; 1 Pt 3,9. 8Mhux dan biss, imma l-inġustizzja tagħmluha intom stess, u tqarrqu bl-oħrajn, u dan lil ħutkom! 9Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna ta’ Alla? La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali,#Gal 5,19-21; Ef 5,5; Apk 22,15. 10la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna ta’ Alla! 11U minn dawn kienu xi wħud minnkom. Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta’ Alla tagħna.#Tit 3,3-7.
Sebbħu lil Alla b’ġisimkom
12“Kollox jiswa għalija,” iżda mhux kollox jaqbel. “Kollox jiswa għalija,” iżda ma nħalli ’l xejn jaħkimni.#Sir 37,28; 1 Kor 10,23. 13“L-ikel għall-istonku, u l-istonku għall-ikel.” Imma Alla jeqred sew lil wieħed sew lil ieħor. Il-ġisem mhuwiex għaż-żina iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. 14U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu.#Rum 8,11; 1 Kor 15,15-20; 2 Kor 4,14. 15Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Jaqaw għandi nagħmel mill-membri ta’ Kristu membri ta’ mara żienja? Ma jkun qatt!#Rum 12,5; 1 Kor 12,27. 16Ma tafux li min jingħaqad ma’ mara żienja jsir ġisem wieħed magħha? Isiru, kif tgħid l-Iskrittura, it-tnejn ġisem wieħed.#Ġen 2,24; Mt 19,5. 17Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu.#Ġw 17,21-23; Rum 8,9-11; Gal 2,20. 18Aħarbu ż-żina! Kull dnub li wieħed jagħmel hu ’l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żina jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess. 19Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu s-Santu#6,19: Tempju tal-Ispirtu s-Santu: in-nisrani ma għandux jabbuża b’ġismu għaliex hu tempju tal-Ispirtu s-Santu; jiġifieri hemm il-preżenza speċjali ta’ Alla stess fih., li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom?#1 Kor 3,16; 2 Kor 6,16. 20Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom.#1 Kor 7,23; Fil 1,20; 1 Pt 1,18-19.

Currently Selected:

1 KORINTIN 6: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in