YouVersion Logo
Search Icon

1 KORINTIN 3

3
Kapitlu 3
Ħaddiema lkoll għal Alla
1Jien ukoll, l-aħwa, ma stajtx inkellimkom bħala nies spiritwali, iżda bħala nies tad-demm u l-laħam#3,1: Bħala nies tad-demm u l-laħam: jiġifieri nies li għadhom maħkuma mid-dnub., bħal trabi fi Kristu.#Ġw 16,12. 2Ħalib sqejtkom, mhux ikel, għax ma kontux tifilħu għalih, u lanqas issa ma tistgħu għalih,#Lhud 5,12-13; 1 Pt 2,2. 3għaliex għadkom tgħixu skont il-ġisem, la darba fostkom għad hemm l-għira u l-ġlied. Ma għadkomx forsi tgħixu skont il-ġisem, u ma għadkomx timxu ta’ bnedmin#1 Kor 1,10-11; 11,18. 4meta hemm fostkom min jgħid: ‘Jien ta’ Pawlu,’ u ieħor: ‘Jien ta’ Apollo’? M’intomx taħsbuha ta’ bnedmin?#1 Kor 1,12. 5U min hu Apollo? Min hu Pawlu? Huma l-ministri li permezz tagħhom intom emmintu u kull wieħed minnhom skont ma tah il-Mulej.#Atti 18,24-27. 6Jiena ħawwilt, Apollo saqqa, imma Alla hu li kabbar.#Atti 18,4-11. 7Għalhekk, la min ħawwel ma hu xejn, u la min saqqa; imma Alla, li kabbar. 8Xorta waħda huma dak li ħawwel u dak li saqqa; kull wieħed jieħu l-ħlas li ħaqqu skont ma ħadem. 9Aħna ħaddiema ma’ Alla; u intom l-għalqa ta’ Alla, intom il-bini ta’ Alla.#Mt 13,3-9; Ef 2,20.
10Skont il-grazzja li tani Alla, bħala bennej għaqli, jiena qegħedt il-pedament. Ħaddieħor jibni fuqu; imma jqis kull wieħed kif jibni fuqu.#1 Kor 15,10; 2 Pt 3,15. 11Pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu.#Is 28,16; 1 Pt 2,4-6. 12Jibni x’jibni dak li jkun fuq dan il-pedament - deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben - 13ix-xogħol ta’ kulħadd għad jidher; il-Jum għad jurih u n-nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-xogħol ta’ kull wieħed.#1 Kor 4,5; 2 Tess 1,7-10. 14Jekk il-bini li wieħed ikun bena jżomm sħiħ, min jagħmlu jieħu ħlasu; 15jekk il-bini jinħaraq, ħlasu jitilfu; iżda huwa jsalva, imma jkun għadda minn ġon-nar. 16Ma tafux li intom tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom?#1 Kor 6,19; 2 Kor 6,16. 17Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom.
18Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’din id-dinja, ħa jiblieh, biex isir għaref. 19Għax l-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub:
“Hu li jaqbad l-għorrief fil-ħażen tagħhom”; # Ġob 5,13.
20u terġa’:
“Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet tal-għorrief”. # S 94,11.
21Għalhekk ħadd ma għandu jiftaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom, 22sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej; kollox hu tagħkom, 23u intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

Currently Selected:

1 KORINTIN 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in