YouVersion Logo
Search Icon

RUMANI 12

12
Kapitlu 12
Il-ħajja ġdida fi Kristu
1Nitlobkom, l-aħwa, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom.#Rum 6,11-13; 1 Pt 2,5. 2Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skont it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.#Ef 4,23; 5,10-17.
3Jiena ngħidilkom ilkoll bis-saħħa tal-grazzja li tani Alla: tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu ta’ li hu skont il-qjies tal-fidi li tah Alla.#1 Kor 12,11; Ef 4,7. 4Bħalma aħna għandna ħafna membri f’ġisem wieħed, iżda mhux il-membri kollha għandhom l-istess xogħol,#1 Kor 12,12. 5hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru tal-ieħor.#1 Kor 12,27; Ef 4,25. 6Aħna għandna doni differenti skont il-grazzja li Alla tana; jekk għandna d-don tal-profezija, ħa nħaddmuh skont il-qjies tal-fidi;#1 Kor 12,4-11; 1 Pt 4,10-11. 7jekk għandna d-don tal-ministeru, ħa nservu; min għandu d-don tat-tagħlim, ħa jgħallem; 8min id-don tat-tħeġġiġ, ħa jħeġġeġ; min id-don tat-tqassim, ħa jqassam b’idejh miftuħa; min għandu l-awtorità fuq l-oħrajn, ħa jmexxi bil-ħerqa; min id-don tal-opri tal-ħniena, ħa jagħmel dan bil-ferħ.#2 Kor 9,7.
Il-liġi tal-ħajja nisranija
9Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb.#Għam 5,15; 1 Pt 1,22. 10Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin.#Fil 2,3; 2 Pt 1,7. 11Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej.#Atti 18,25; Apk 3,15. 12Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, itolbu bla waqfien.#1 Tess 5,17. 13Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f’darkom lill-barranin.#Lhud 13,2. 14Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd.#Mt 5,44; Lq 6,28; 1 Kor 4,12. 15Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki.#S 35,13. 16Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli. Tagħmluhiex ta’ għorrief.#Is 5,21. 17Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha.#1 Tess 5,15. 18Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd.#Mk 9,50; Lhud 12,14. 19Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: “Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.”#Lev 19,18; Dt 32,35; Mt 5,39; Rum 13,4; 2 Tess 1,6-7; Lhud 10,30. 20Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu.#Prov 25,21-22; Mt 5,44. 21Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.

Currently Selected:

RUMANI 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in