YouVersion Logo
Search Icon

APOKALISSI 22

22
Kapitlu 22
1Imbagħad l-anġlu wrieni x-xmara tal-ilma tal-Ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf.#Eżek 47,1; Żak 14,8. 2F’nofs il-pjazza tal-Belt, fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm siġra tal-Ħajja tagħmel frott ta’ tnax-il xorta, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huma duwa tajba għall-ġnus.#Ġen 2,9; 3,22; Eżek 47,12.
3Ebda saħta ma jkun hemm iżjed. Fiha jkollha t-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf, u l-qaddejja tiegħu jaqduh,#Żak 14,11. 4jaraw wiċċu, u jkollhom ismu fuq ġbinhom.#S 17,15; 42,3; Mt 5,8; Apk 3,12. 5Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunux jeħtieġu dawl ta’ musbieħ u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem.#Is 60,19-20; Dan 7,18-27; Żak 14,7; Apk 5,10; 20,6; 21,23-25.
Il-miġja ta’ Kristu
6Imbagħad qalli: “Dawn il-kelmiet huma minnhom u ta’ min joqgħod fuqhom: il-Mulej stess, Alla tal-ispirti tal-profeti, bagħat l-anġlu tiegħu biex jgħarraf lill-qaddejja tiegħu bil-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt.#Dan 2,28-29; Apk 1,1. 7Arani ġej minnufih. Hieni min iħares il-kelmiet tal-profezija ta’ dan il-ktieb.”#Apk 2,16; 3,11; 22,12-20.
8Kont jiena stess, Ġwanni, li smajt u rajt dawn il-ħwejjeġ kollha. U, wara li smajthom u rajthom, inżilt quddiem l-anġlu li wrihomli biex nagħtih qima f’riġlejh,#Atti 10,25-26; Apk 19,10. 9imma qalli: “Hekk le! Jiena qaddej bħalek u bħal ħutek il-profeti, u bħal dawk li jħarsu l-kelmiet ta’ dan il-ktieb. Il-qima lil Alla agħtiha.”
10Qalli: “Il-kelmiet tal-profezija ta’ dan il-ktieb tagħlaqhomx b’siġill, għax qorob iż-żmien.#Dan 12,4; Apk 1,3. 11Min jagħmel il-ħażen, erħilu jagħmel iżjed; u min hu maħmuġ, ħallih jitħammeġ iżjed. Min jagħmel is-sewwa, ħa jżid jagħmel is-sewwa; u min hu qaddis jalla jkompli jitqaddes.
12“Ara, jiena ġej dalwaqt, u miegħi nġib il-ħlas ħalli rrodd lil kull wieħed skont ma ħaqqu għal għemilu.#S 28,4; 62,12; Prov 24,12; Is 40,10; 59,18; 62,11; Ġer 17,10; Rum 2,6; 1 Kor 3,8; 2 Kor 11,15; 2 Tim 4,14; 1 Pt 1,17; Apk 2,16-23; 3,11; 18,6; 20,13-14; 22,7-20. 13Jiena l-Alfa u l-Omega, l-Ewwel u l-Aħħar, il-Bidu u t-Tmiem!#Is 44,6; 48,12; Apk 1,8-17; 2,8; 21,6.
14“Hienja dawk li jaħslu lbieshom, sabiex ikollhom is-setgħa fuq is-siġra tal-Ħajja u jidħlu fil-Belt mill-bibien.#Ġen 2,9; 3,22; Eżek 47,12; Apk 22,2-19. 15Jibqgħu barra l-klieb u s-saħħarin, iż-żienja u l-qattiela, l-idolatri u dawk kollha li jħobbu l-qerq u jagħmluh!”#1 Kor 6,9-10.
Għeluq
16“Jien, Ġesù, bgħatt l-anġlu tiegħi ħalli jixhdilkom dawn il-ħwejjeġ dwar il-knejjes#22,16: Dwar il-knejjes: jew: f’nofs il-knejjes.. Jiena r-Rimja tal-familja ta’ David, il-Kewkba tiddi ta’ filgħodu.”#Num 24,17; Is 11,1-10; Rum 1,3; Apk 2,28; 5,5.
17L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: “Ejja!” Min jisma’, ħa jgħid: “Ejja!” U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.#Is 55,1; Ġw 7,37; Apk 21,6.
18Jiena nwissi lil kull min jisma’ l-kelmiet tal-profezija ta’ dan il-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla jixħet fuqu l-kastigi msemmijin f’dan il-ktieb;#Dt 4,2; 13,1. 19u jekk xi ħadd ineħħi xi kliem milli hawn fil-ktieb ta’ din il-profezija, Alla jneħħilu s-sehem li jmissu mis-siġra tal-Ħajja u mill-Belt il-qaddisa msemmijin f’dan il-ktieb.#Ġen 2,9; 3,22; Eżek 47,12; Apk 22,2-14.
20Min qiegħed jagħti xhieda ta’ dawn il-ħwejjeġ jgħid: “Iva, jien dalwaqt ġej!” Hekk ikun. Ejja, Mulej Ġesù!#1 Kor 16,22; Apk 2,16; 3,11; 22,7-12.
21Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù tkun ma’ kulħadd! Ammen.

Currently Selected:

APOKALISSI 22: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in