YouVersion Logo
Search Icon

SALMI 10

10
Salm 10
Talba għall-għajnuna kontra l-għadu
1Għaliex, Mulej, int hekk imbiegħed?
Għaliex tinħeba waqt il-bżonn?#S 22; 74,1.
2Fi kburitu l-ħażin lill-fqir jaħqar,
jaqbdu fin-nases li nasablu.
3Il-ħażin jiftaħar bix-xewqat ta’ qalbu,
fir-regħba tiegħu jisħet u jżeblaħ lill-Mulej.#Ġob 22,13; S 10,13; 14,1; 36,2; Sof 1,12.
4Fi kburitu jkasbar lill-Mulej, u f’xejn ma jfittxu;
u Alla ma jidħolx fi ħsibijietu.
5Jirnexxi dejjem fi triqtu,
xejn ma jilħquh il-ġudizzji tiegħek,
bl-għedewwa tiegħu jiddieħak.
6Jgħid f’qalbu: “Ma niċċaqlaqx!
Minn nisel għal nisel ebda ħsara ma tilħaqni!”
7Saħta, qerq u dnewwa fuq fommu;
għawġ u ħsara fuq ilsienu.#Rum 3,14.
8Wara l-ħitan tas-sejjieħ jissajja,
fil-moħbi joqtol nies bla ħtija;#S 17,12; Ġer 5,26; Hos 6,9; Ħab 3,14.
għajnejh ifittxu lill-imsejken.
9Jgħasses fil-moħbi bħal iljun fil-bejta;
jgħasses biex lill-fqajjar jaħtaf,
jaqbdu u jkaxkru fix-xibka.#S 17,12.
10Jitbaxxa, mal-art jinxteħet;
l-imsejkna jaqgħu taħt il-qilla tiegħu.
11Jgħid bejnu u bejn ruħu: “Alla nesa;
ħeba wiċċu, ma jħarisx iżjed.”#Ġob 22,13; S 44,25; 73,11; 74,19; 94,7; Eżek 9,9.
12Qum, Mulej! Erfa’ idek, o Alla!
La tinsihomx lill-imsejknin.
13Għax għandu l-ħażin ikasbrek, o Alla,
u jaħseb li int ma tfittxux?#S 104.
14Int tara, tabilħaqq, l-għawġ u l-ħsara,
u taħseb biex f’idejk teħodhom.
F’idejk jintelaq l-imsejken;
tal-iltim int sirt l-għajnuna.#Eż 22,21-22; S 31,8; 56,9.
15Kisser int driegħ il-ħażin u l-midneb,
ilħaqlu ħżunitu sakemm ma ssiblux iżjed.
16Sultan hu l-Mulej għal dejjem ta’ dejjem;
inqerdu l-ġnus minn artu.#S 145,13; Ġer 10,10; Naħ 2,1.
17It-talba tal-imsejknin smajtha, Mulej;
int taqtgħalhom ix-xewqa ta’ qalbhom,
18biex tagħti raġun lill-iltim u l-maħqur;
u bniedem tal-art ma jbeżżax aktar.#Dt 10,18.

Currently Selected:

SALMI 10: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in