YouVersion Logo
Search Icon

MARK 14

14
Kapitlu 14
Il-kapijiet jiftiehmu kontra Ġesù
(Mt 26,2-5; Lq 22,1-2; Ġw 11,34-53)
1Kien għad baqa’ jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’ moħħhom u jagħtuh il-mewt.#Mk 11,18; Lq 19,47. 2Għax bdew jgħidu: “Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu.”
Ġesù midluk f’Betanja
(Mt 26,6-13; Ġw 12,1-8)
3Ġesù kien qiegħed jiekol#14,3: Kien qiegħed jiekol: il-mistednin kienu mimduda skont id-drawwa Rumana ta’ żmienhom. Betanja: ara nota Mt 21,17. Nard pur: estratt minn pjanta tfuħ li tikber fit-Tramuntana tal-Indja: ara Lq 7,37-38. għand Xmun il-lebbruż f’Betanja. Daħlet mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ ta’ nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. 4U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu: “Dal-ħala kollu ta’ fwieħa għalfejn? 5Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra.” U bdew jeħduha magħha. 6Imma Ġesù qal: “Ħalluha; għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. 7Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom. 8Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna#14,8: Dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna: qabel id-difna l-Lhud kienu jidilku l-katavru bil-fwieħa. minn qabel.#Ġw 19,40. 9Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha.”
It-tradiment ta’ Ġuda
(Mt 26,14-16; Lq 22,3-6)
10Imbagħad Ġuda l-Iskarjota#14,10: L-Iskarjota: ara nota Mt 10,4., wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. 11Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom.
Ġesù jagħmel l-ikla tal-Għid mad-dixxipli
(Mt 26,17-25; Lq 22,7-14.21-23; Ġw 13,21-30)
12Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?”#Eż 12,14-20. 13Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, 14u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’ 15U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.” 16U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid.
17Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. 18U kif kienu fuq il-mejda jieklu qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi.”#S 41,10. 19Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh: “Jaqaw jien?” 20Qalilhom: “Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi#14,20: Ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi: skont id-drawwa tal-Lhud.. 21Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!”
It-twaqqif tal-Ewkaristija
(Mt 26,26-29; Lq 22,15-20; 1 Kor 11,23-25)
22Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.”#Mt 14,19; 15,36; Mk 6,41; 8,6-7; Lq 9,16. 23Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu.#1 Kor 10,16. 24U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt#14,24: Id-demm tal-patt: fid-demm hemm il-ħajja; bid-demm kien imwettaq il-Patt tas-Sinaj; hekk issa l-Patt il-Ġdid hu mwettaq mid-demm ta’ Kristu, l-Iben ta’ Alla., li jixxerred għal ħafna.#Eż 24,8; Żak 9,11; Lhud 9,20. 25Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.”
Ġesù jħabbar iċ-ċaħda ta’ Pietru
(Mt 26,30-35; Lq 22,31-34; Ġw 13,36-38)
26Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. 27U Ġesù qalilhom: “Ilkoll se titħawdu#14,27: Ilkoll se titħawdu: jew ilkoll se tiskandalizzaw ruħkom: ara nota Mt 36,31; Mk 9,42., għax hu miktub:
‘Nidrob ir-ragħaj,
u n-nagħaġ jitferrxu’. # Żak 13,7; Mt 26,56; Mk 14,50.
28Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom.”#Mk 16,7. 29Qallu Pietru: “Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx.” 30Qallu Ġesù: “Tassew ngħidlek, li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.” 31Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha: “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!” U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess.#Ġw 11,16.
Ġesù jitlob fil-Ġetsemani
(Mt 26,36-46; Lq 22,39-46)
32Waslu f’qasam jismu Ġetsemani#14,32: Ġetsemani: ara nota Mt 26,36., u qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob.”#Ġw 18,1. 33U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq.#Mt 17,1; Mk 5,37; 9,2; 13,3; Lq 5,10; 6,14; 8,51; 9,28; Atti 1,13. 34Qalilhom: “Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru.”#S 42,5-11; 43,5; Ġw 12,27. 35Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet fl-art, u talab li, jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. 36U qal: “Abba#14,36: Abba: kelma li biha t-tfal kienu jsejħu ’l missierhom, bħal pa fil-Malti: ara Rum 8,15; Gal 4,6., Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.”#Ġw 5,30; 6,38; Rum 8,15. 37Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! 38Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”#Mt 6,13; Lq 11,4. 39U raġa’ mar u tenna l-istess talba. 40Mill-ġdid ġie u għal darb’oħra sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbdu jgħidulu. 41Ġie għat-tielet darba u qalilhom: “Torqdu issa u tistrieħu#14,41: Torqdu issa u tistrieħu? jew Għadkom rieqda u mistrieħa? jew Orqdu issa u strieħu!? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. 42Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!”
Ġesù ttradut u arrestat
(Mt 26,47-56; Lq 22,47-53; Ġw 18,2-11)
43Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ.#Mt 16,21; 27,41; Mk 8,31; 11,27; 14,53; Lq 9,22; 20,1. 44Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: “Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb.” 45Malli mbagħad wasal, baqa’ sejjer fuqu u qallu, “Rabbi.” U biesu. 46Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. 47Imma wieħed minn dawk ta’ madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. 48Ġesù dar fuqhom u qalilhom: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel#14,48: Xi ħalliel: ara nota 15,27., armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! 49Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura.”#Lq 19,47; 21,37; Ġw 18,20. 50Imbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu.#Żak 13,7; Mt 26,31; Mk 14,27. 51Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh; 52imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri.
Ġesù quddiem il-kunsill tas-Sinedriju
(Mt 26,57-68; Lq 22,54.63-71; Ġw 18,13-24)
53Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba.#Mt 16,21; Mk 11,27; 15,1; Lq 9,22; 20,1. 54Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana. 55Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. 56Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel. 57Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu: 58“Aħna smajnieh jgħid, ‘Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!’ ”#Mk 15,29; Ġw 2,19. 59Imma x-xhieda tagħhom anqas f’dan ma kienet taqbel. 60Imbagħad il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù: “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”#Is 53,7; Mk 15,4-5; Lq 23,9. 61Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb xejn. Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u qallu: “Int il-Messija, Bin l-Imbierek#14,61: L-Imbierek: jiġifieri Alla. Il-Lhud, kemm jista’ jkun, ma kinux isemmu l-isem ta’ Alla bla bżonn; ara S 110,1; Dan 7,13; Mk 13,26.?”#Mt 16,16; Mk 5,7; Lq 8,28; Ġw 11,27; 20,31. 62“Jiena hu,” wieġbu Ġesù,
“u intom għad taraw lil Bin il-bniedem
bilqiegħda n-naħa tal-lemin # 14,62: In-naħa tal-lemin: il-post tal-unur. tal-Qawwa
u ġej fuq is-sħab tas-sema.” # S 110,1; Mt 22,44; Mk 13,26; Lq 20,42; 21,27; Atti 2,34; Ef 1,20; Kol 3,1; Lhud 1,3; 10,12; 12,2; Apk 1,7; 14,14.
63Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta’ fuqu#14,63: Ċarrat l-ilbies ta’ fuqu: ara nota Mt 26,65. u qal: “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda?#Num 14,6; Atti 14,14. 64Id-dagħwa smajtuha! X’jidhrilkom?” U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt.#Lev 24,16; Ġw 19,7.
65Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: “Aqta’ min#14,65: Aqta’ min: litteralment agħmilha ta’ profeta.!” U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta.
Pietru jiċħad lil Ġesù
(Mt 26,69-75; Lq 22,55-62; Ġw 18,15-18.25-27)
66Waqt li Pietru kien isfel ’il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. 67Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu: “Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret.” 68Imma hu ċaħad u qal: “Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid.” U ħareġ ’il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden. 69Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm: “Dan wieħed minnhom.” 70U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit, dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru: “Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija.” 71Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: “Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu.” 72Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù: ‘Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet.’ U nfexx jibki#14,72: U nfexx jibki: jew ħareġ jiġri u beka, jew għatta rasu u nfexx jibki, jew beda jaħseb fuq dan u nfexx jibki..#Mt 26,34; Mk 14,30; Lq 22,34; Ġw 13,38.

Currently Selected:

MARK 14: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in