YouVersion Logo
Search Icon

LUQA 12

12
Kapitlu 12
Twissija fuq il-wiċċ b’ieħor
1Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: “Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b’ieħor tagħhom.#Mt 16,6; Mk 8,15. 2Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf.#Mt 10,26; Mk 4,22; Lq 8,17. 3Għalhekk, kulma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama’ fid-dawl, u kulma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta’ ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut#12,3: Jixxandar minn fuq il-bjut: fl-ibliet orjentali, bit-toroq dojoq u d-djar ħdejn xulxin, il-bejt kien il-post fejn jiltaqgħu n-nies u jxerrdu l-aħbarijiet; ara Mk 2,4..
Minn min għandkom tibżgħu
(Mt 10,28-31)
4“Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed. 5Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn Dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġol-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu. 6Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla. 7U intom, sa x-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.#Lq 12,24; 21,18.
Id-dixxiplu jistqarr li hu ma’ Ġesù
(Mt 10,32-33; 12,32)
8“U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta’ Alla. 9Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta’ Alla.#Lq 9,26. 10U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux.#Mk 3,28-29. 11Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x’sejrin tgħidu,#Mk 13,11; Lq 21,12-15. 12għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.”
Il-parabbola tal-għani iblah
13Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” 14“Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”#Eż 2,14; Atti 7,27. 15Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.”#1 Tim 6,9-10. 16U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. 17U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! 18Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. 19Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”#Sir 11,19. 20Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura#12,20: Jitolbuk ruħek lura: kostruzzjoni stilistika biex ma jissemmiex Alla direttament.. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’ 21Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”#Mt 6,20.
L-inkwiet u t-tħassib
(Mt 6,25-34)
22Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Għalhekk ngħidilkom, tinkwetawx ruħkom għall-ħajja, x’se tieklu, anqas għall-ġisem, x’se tilbsu. 23Għax il-ħajja aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies. 24Ħarsu lejn iċ-ċawl; la jiżra’ u lanqas jaħsad, la għandu mħażen u lanqas kmamar fejn jerfa’, u madankollu Alla jitimgħu. Wisq aktar mit-tajr tiswew intom!#S 147,9; Lq 12,7. 25U min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed? 26Jekk mela anqas ħaġa tassew ċkejkna ma għandkom ħila tagħmlu, għaliex tinkwetaw ruħkom mill-bqija? 27Araw il-ġilji kif jikbru: u la jitħabtu u lanqas jinsġu. Ngħidilkom li anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.#1 Slat 10,4-7; 2 Kron 9,3-6. 28Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna? 29Hekk ukoll intom, toqogħdux tfittxu x’se tieklu u x’se tixorbu, u xejn titħassbu; 30dawn kollha ħwejjeġ li jfittxuhom in-nies tad-dinja, u Missierkom jaf li teħtiġuhom. 31Fittxu mela s-Saltna tiegħu, u magħha mbagħad iżidilkom dawn ukoll.
Teżori fis-sema
(Mt 6,19-20)
32“Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!#Lq 22,29; Apk 1,6. 33Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.#Mt 19,12; Mk 10,21; Lq 18,22. 34Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”
Il-qaddejja li jishru
35“Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;#1 Slat 18,46; 2 Slat 4,29; 9,1; Ġob 38,3; Prov 31,17; Ġer 1,17; Mt 25,1-7; Ef 6,14; 1 Pt 1,13. 36kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.#Mt 13,35-37. 37Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.#Lq 17,7-8; Ġw 13,4. 38U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! 39Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru#12,39: Il-ħajt ta’ daru: ara nota Mt 6,19..#Mt 24,43-44. #1 Tess 5,2. 40Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”
Il-qaddej il-fidil u l-qaddej il-ħażin
(Mt 24,45-51)
41“Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?” 42Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? 43Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. 44Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.#Mt 25,21-23. 45Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; 46sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. 47U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.#Ġak 4,17. 48Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.
Firda minħabba Ġesù
(Mt 10,34-36)
49“Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! 50Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!#Mk 10,38-39; Lq 2,14. 51Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; 52għax mil-lum ’il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; 53jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.”#Mk 7,6.
Iż-żmien jgħallem
(Mt 16,2-3)
54Lin-nies qalilhom ukoll: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri.#Mt 16,2-3. 55U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew. 56Uċuħ b’oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?”
Irranġa ma’ min jixlik
(Mt 5,25-26)
57“U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa? 58Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs; 59għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba.”

Currently Selected:

LUQA 12: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy