YouVersion Logo
Search Icon

ĠWANNI 17:6-19

ĠWANNI 17:6-19 MB20

“Jiena għarraft ismek lill-bnedmin li inti tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek, u inti tajthom lili, u huma ħarsu kelmtek. Issa jafu li dak kollu li tajtni ġej minnek; għaliex il-kliem li int tajt lili jiena tajtu lilhom, u huma laqgħuh u għarfu tabilħaqq li jiena ħriġt minnek, u emmnu li inti bgħattni. Jiena għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja, imma għal dawk li inti tajtni, għaliex huma tiegħek, u dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek, u dak li hu tiegħek huwa tiegħi, u jien igglorifikat permezz tagħhom. U jien ma għadnix aktar fid-dinja, iżda huma għadhom fid-dinja, u jiena ġej għandek. Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. Kemm domt magħhom, jiena ħaristhom fl-isem tiegħek, l-isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom, u ħadd minnhom ma ntilef ħlief bin it-telfien, biex isseħħ l-Iskrittura. Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan, kif għadni fid-dinja, biex huma jkollhom fihom il-ferħ sħiħ tiegħi. Jiena tajthom il-kelma tiegħek, u d-dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja. Ma nitolbokx li twarrabhom mid-dinja, imma li tħarishom mill-Ħażin. Huma mhumiex tad-dinja bħalma jiena m’iniex tad-dinja. Qaddishom permezz tal-verità; il-kelma tiegħek hi l-verità. Kif inti bgħatt lili fid-dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid-dinja. U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal-verità.