ĠWANNI 14
14
Kapitlu 14
Ġesù hu t-triq għal għand il-Missier
1“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll.#Ġw 14,27. 2Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. 3U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.#Ġw 12,26; 17,24. 4U t-triq għall-post fejn sejjer tafuha.” 5Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” 6Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.#Lhud 10,20. 7Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.”#Ġw 8,19. 8Qallu Filippu: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina.” 9Ġesù wieġeb: “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier. Kif tgħidli, ‘Urina l-Missier’?#Ġw 12,45; Kol 1,15; Lhud 1,3. 10Ma temminx li jiena fil-Missier u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom jien, ma ngħidux minn moħħi iżda l-Missier li jgħammar fija qiegħed jagħmel l-opri tiegħu.#Ġw 10,38; 12,49; 14,20-24. 11Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier huwa fija. Jekk mhux għal ħaġ’oħra, emmnuni minħabba dawn l-opri stess.#Ġw 10,37-38. 12Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-opri li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnhom għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier.#Ġw 7,33; 13,1; 14,28. 13U jekk titolbu xi ħaġa f’ismi jiena nagħmilha, biex il-Missier ikun igglorifikat permezz ta’ Ibnu.#Ġw 13,31-32; 15,16; 16,23; 17,1. 14Iva, jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, jiena nagħmilha.
Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu
15“Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.#Għerf 6,18; Ġw 15,10; 1 Ġw 5,3; 2 Ġw 6. 16U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur#14,16: Difensur: bil-Grieg parakletos, kelma teknika li biha kienu jfissru d-difensur tal-akkużat fil-qorti; avukat, assistent, difensur, konsolatur, eċċ. Ebda waħda minn dawn il-kelmiet ma tagħti l-forza u t-tifsira sħiħa ta’ parakletos fit-test ta’ San Ġwann. ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem,#Ġw 14,26; 15,26; 16,7. 17l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom.#Ġw 15,26; 16,13. 18Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom.#Ġw 14,28. 19Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu.#Ġw 6,57; 7,33-36; 16,16. 20F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom.#Ġw 10,38; 14,10-11; 17,21-23. 21Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.”#Ġw 15,10; 16,27; 1 Ġw 5,3; 2 Ġw 6. 22Ġuda - l-ieħor, mhux l-Iskarjota - qal lil Ġesù: “Mulej, din kif inhi li inti se turi ruħek lilna u mhux lid-dinja?”#Atti 10,40-41. 23Ġesù wieġbu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. 24Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni.#Ġw 7,16; 14,10.
25“Għedtilkom dan meta għadni magħkom. 26Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.#Ġw 14,16; 15,26; 16,7. 27Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’.#Ġw 14,1; 16,33. 28Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni.#Ġw 13,1; 14,3-12; 16,10-28; 20,17. 29U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu.#Ġw 13,19. 30M’iniex se nkellimkom iżjed fit-tul, għax il-Prinċep tad-dinja ġej. Kontra tiegħi xejn ma jista’ jagħmel; 31iżda ħalli d-dinja tagħraf li jiena nħobb lill-Missier u li nagħmel kif ordnali l-Missier. Qumu! Ejjew nitilqu minn hawn!#Mt 26,46; Mk 14,42; Ġw 12,49; 15,10.
Currently Selected:
ĠWANNI 14: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.