YouVersion Logo
Search Icon

ĠEREMIJA 29

29
Kapitlu 29
Ittra lill-itturufnati
1Dan hu l-kliem tal-ittra li bagħat Ġeremija#29,1: L-ittra li bagħat Ġeremija: il-profeta bagħat din l-ittra lill-eżiljati biex ineħħilhom minn rashom il-ħolma li se jerġgħu lura lejn pajjiżhom malajr. l-profeta minn Ġerusalemm lill-bqija tal-anzjani fl-eżilju u lill-qassisin u lill-profeti u lill-poplu kollu, li kien ħadhom Nabukodonosor fl-eżilju f’Babilonja minn Ġerusalemm, 2wara li kienu ħarġu Ġekonija, is-sultan, u r-reġina-omm u l-ewnuki u l-prinċpijiet ta’ Ġuda u Ġerusalemm, in-nies tas-sengħa u l-ħaddieda.#2 Slat 24,12-16. 3L-ittra ntbagħtet permezz ta’ Elgħaxa bin Safan, u Ġemarija bin Ħilkija, li kien bagħathom Sedekija, sultan ta’ Ġuda, lil Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, f’Babilonja. L-ittra kienet tgħid hekk:
4“Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael, lill-itturufnati li jien itturufnajt minn Ġerusalemm lejn Babilonja: 5‘Ibnu djar u għammru fihom; ħawlu ġonna u kulu frotthom; 6iżżewġu n-nisa u nisslu subien u bniet; agħżlu nisa għal uliedkom u żewġu lill-bniet tagħkom, biex jildu subien u bniet. Oktru hemm, u tonqsux fl-għadd.
7“Fittxu l-ġid tal-pajjiż li tturufnajtkom fih, u itolbu lill-Mulej għalih, għax il-ġid tiegħu jkun il-ġid tagħkom.’#1 Tim 2,1-2.
8“Għax dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: ‘Tħalluhomx iqarrqu bikom il-profeti li hemm f’nofskom u l-ħabbara tagħkom. Tagħtux widen għall-ħolm li qegħdin joħolmu. 9Għax mhux veru li f’ismi qegħdin iħabbrulkom; jien ma bgħatthomx,’ oraklu tal-Mulej.
10“Għax dan jgħid il-Mulej: ‘Malli jgħaddu s-sebgħin sena minn fuq Babilonja, jien inżurkom u ntemm il-wegħda t-tajba li rreġġagħkom lura lejn dan il-post.#2 Kron 36,21-22; Esd 1,1; Ġer 25,11; Dan 9,2; Żak 1,12; 7,5. 11Jien naf il-pjanijiet li ħsibt għalikom, oraklu tal-Mulej, pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama. 12Intom issejħuli u tiġu titolbuni u jien nismagħkom,#Ġer 33,3. 13tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha,#Dt 4,29-31; 2 Kron 15,2-4; Għerf 6,12-13; Is 55,6-9; Għam 5,4. 14issibuni, oraklu tal-Mulej, u jiena nbiddel xortikom u niġborkom minn fost il-ġnus u mill-artijiet kollha li xerridtkom fihom, oraklu tal-Mulej, u rreġġagħkom lura lejn il-post li tturufnajtkom minnu.’ ”#Ġer 23,3-8.
15“Billi intom għedtu: ‘Qajmilna l-Mulej profeti f’Babilonja’, 16dan jgħid il-Mulej lis-sultan li qiegħed fuq it-tron ta’ David u l-poplu kollu, li jgħammar f’din il-belt, ħutkom li ma ħarġux magħkom itturufnati. 17Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti: ‘Arawni, se nibgħat f’nofshom ix-xabla, il-ġuħ u l-pesta, u nagħmilhom bħat-tin imħassar li ma tiklux, tant kemm hu ħażin.#Ġer 24. 18U nsus għal warajhom bix-xabla, bil-ġuħ u bil-pesta u nagħmel minnhom waħx għas-salniet kollha tal-art, saħta, tkexkix, daħk u għajb għall-ġnus kollha li fosthom inxerridhom,#Ġer 15,4; 24,9; 34,17-18. 19minħabba li ma semgħux kliemi, oraklu tal-Mulej, li jien bgħattilhom bla heda permezz tal-qaddejja tiegħi, il-profeti.#Ġer 7,25; 25,4. 20Intom, imma, isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom l-itturufnati kollha, li jien bgħattkom minn Ġerusalemm f’Babilonja.
21Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti Alla ta’ Iżrael dwar Aħab bin Kolaja u dwar Sedekija bin Magħxija, li qegħdin iħabbrulkom il-gideb f’ismi: “Arawni, se nerħihom f’idejn Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, u joqtolhom quddiemkom.#Ġer 14,14. 22U mħabba fihom tintuża dis-saħta mill-itturufnati ta’ Ġuda fil-Babilonja: ‘Jalla l-Mulej jagħmillek bħalma għamel ma’ Sedekija u ma’ Aħab, li s-sultan ta’ Babilonja xwiehom ħajjin bin-nar. 23Għax huma għamlu ħwejjeġ moqżieża f’Iżrael: żnew man-nisa ta’ għajrhom u xandru kliem il-gideb f’ismi li jien ma kkmandajthomx. Jien nafu u nixhdu, oraklu tal-Mulej.#Ġer 23,14.
24“U lil Semajja, in-Neħelami, għidlu: 25‘Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: Int bgħatt f’ismek ittra lill-poplu kollu li jgħammar f’Ġerusalemm, u lil Sefanija bin Magħxija, il-qassis, u lill-qassisin kollha u għedtilhom: 26‘Il-Mulej għamlek qassis minflok Ġeħojada, il-qassis, biex ikun hemm min jieħu ħsieb f’dar il-Mulej ta’ kull bniedem miġnun li jħabbar, u torbtu, u tixħtu l-ħabs. 27Għaliex mela ma ċanfartx lil Ġeremija minn Għanatot, li qiegħed iħabbar fostkom? 28Għax bagħat jgħidilna f’Babilonja: ‘Il-biċċa ġejja fit-tul. Ibnu djar u għammru fihom, xettlu ġonna u kulu frotthom.’ ”
29Sefanija, il-qassis, qara din l-ittra lil Ġeremija. 30U ġiet il-kelma tal-Mulej lil Ġeremija u qallu: 31“Ibgħat għid lill-itturufnati kollha dan li ġej: ‘Dan jgħid il-Mulej għal Semajja, in-Neħelami. Talli ħabbrilkom Semajja bla ma jien bgħattu u ġagħalkom tittamaw f’gidba, 32għalhekk dan jgħid il-Mulej: Arani, jien se nieħu ħsieb Semajja, in-Neħelami, u nislu: ma jibqagħlu ’l ħadd minnhom li jgħammar f’nofs dan il-poplu biex jara l-ġid li jien se nagħmel lill-poplu tiegħi, oraklu tal-Mulej, għax hu xandar it-tixwix kontra l-Mulej.”

Currently Selected:

ĠEREMIJA 29: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in