YouVersion Logo
Search Icon

ISAIJA 64

64
Kapitlu 64
1u jitheżżu l-muntanji quddiemek!
Bħalma n-nar iqabbad il-ħatab,
bħalma n-nar jgħalli l-ilma;
hekk tgħarraf ismek lill-għedewwa tiegħek,
u l-ġnus jitriegħdu quddiemek,#S 18,8-9; 50,3.
2meta int tagħmel għeġubijiet li ma konniex nistennew,
u sa mill-qedem qatt ma smajna bihom!
3Widna qatt ma semgħet,
għajn qatt ma rat Alla bħalek,
Alla li jħabrek għal min jittama fih.#1 Kor 2,9.
4Int tilqa’ lil min jagħmel is-sewwa bil-ferħ,
lil dawk li jiftakru fi triqatek.
Ara! Int kont mgħaddab għalina,
u aħna dnibna.
Domna fi dnubna,
u kontrik qomna għal ħafna żmien.
5Tniġġisna lkoll kemm aħna,
bħal ċarruta maħmuġa
l-aħjar għemejjel tagħna;
bħal werqa lkoll dbilna
u ħżunijietna bħal riħ ġarrewna.#Lev 15,19-24.
6Ħadd ma hawn li jsejjaħ ismek,
li jitħarrek biex iżomm miegħek.
Għax int ħbejt wiċċek minna,
u rħejtna f’idejn ħżunijietna.
7Madankollu, Mulej, int missierna;
aħna t-tafal, u inti l-fuħħari;
aħna lkoll għemil idejk.#Is 29,16.
8La tinkurlax iżżejjed, Mulej;
la tiftakarx fil-ħażen tagħna għal dejjem.
Ara, ħares, aħna lkoll il-poplu tiegħek.
9Il-bliet imqaddsa tiegħek mitluqa,
Sijon saret xagħra u Ġerusalemm ħerba.#S 79,1.
10It-tempju qaddis u glorjuż tagħna,
fejn missirijietna kienu jfaħħruk, maħruq bin-nar,
u kulma kellna għażiż sar ħerba.
11Quddiem dan kollu ma tiċċaqlaqx,
Mulej, se tibqa’ sieket u tgħakkisna sal-aħħar?

Currently Selected:

ISAIJA 64: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in