ISAIJA 59
59
Kapitlu 59
Il-ħażen nazzjonali
1Araw, id il-Mulej ma qsaritx li ma ssalvax,
lanqas widnejh ma tqalu biex jisimgħu.#Num 11,23; Is 50,2.
2Imma ħżunijietkom firdukom minn Alla tagħkom,
u dnubietkom ħbewlu wiċċu minnkom,
biex ma jismagħkomx.#Dt 31,17; Is 1,15.
3Għax wiċċ idejkom imċappas bid-demm,
u subgħajkom bil-ħażen.
Xufftejkom jgħidu l-gideb,
u lsienkom itaqtaq il-qerq.#Ġob 20,12-16.
4Ħadd ma jagħmel kawża għall-ġustizzja;
ħadd ma jiddefendi s-sewwa.
Jittamaw fix-xejn u jlissnu l-gideb;
inisslu l-ħażen u jildu d-deni.#Ġob 15,15; S 7,15; Mt 3,7.
5Ifaqqsu bajd is-sriep,
u jinsġu għanqbut il-brimb.
Min jiekol mill-bajd tagħhom imut;
u jekk tkisser waħda minnhom
tfaqqas lifgħa.#Ġob 20,12-16.
6L-għanqbut tagħhom ma jlibbisx,
u b’xogħolhom in-nies ma jilbsux
għax xogħolhom xogħol il-ħażen,
u għemil il-vjolenza għemil idejhom.
7Riġlejhom imgħaġġla għad-deni,
u ħfief biex ixerrdu d-demm bla ħtija.
Ħsibijiethom ħsibijiet il-ħażen,
qerda u ħerba hemm fi triqathom.#Prov 1,16; Rum 3,15-17.
8Triq is-sliem ma jafuhiex,
u ma hemmx id-dritt f’mixjiethom.
Għawġu mogħdijiethom,
u min jgħaddi minnhom ma jafx bi sliem.
9Għalhekk tbiegħed is-sewwa minna,
u l-ġustizzja ma taslilniex.
Stennejna d-dawl, u sibna d-dlam;
stennejna d-dija, u dħalna fis-swied.#Ġer 8,15; Għam 5,18-20; Ġw 8,12.
10Bħal għomja mal-ħajt inteftfu,
inteftfu bħan-nies mingħajr għajnejn.
Nitfixklu f’nofsinhar bħal filgħaxija
u fl-aqwa tagħna qisna mejtin.#Dt 28,29.
11Ilkoll ingargru bħall-orsijiet,
u ngorru dejjem bħall-ħamiem.
Nistennew il-ġustizzja, u ma ssibhiex;
nistennew is-salvazzjoni, u din titbiegħed minna.#Is 38,14.
12Għax dnubietna kotru quddiemek;
u ħtijietna jixhdu kontrina.
Għax dnubietna magħna,
u ħżunijietna nafuhom:#S 51,5; Ġer 14,7.
13nidinbu u niċħdu lill-Mulej,
u nerġgħu lura minn wara Alla tagħna;
naħqru u nxewxu,
kliem il-gideb minn qalbna llissnu.
14Twarrab is-sewwa,
u l-ġustizzja baqgħet ’il bogħod.
Is-sinċerità tfixklet fil-pjazza,
u l-onestà ma tistax tidħol.
15Għabet is-sinċerità,
u min jitbiegħed mill-ħażen jisirquh.
Il-Mulej ra dan u ddispjaċieh,
għax is-sewwa ma kienx hemm.
16U ra li ma kien hemm ħadd,
u stagħġeb li ħadd ma ndaħal.
Il-qawwa ta’ driegħu għenitu,
u s-sewwa tiegħu wieżnu.#Is 63,5.
17Libes il-ġustizzja bħal kurazza,
u l-elmu tas-salvazzjoni f’rasu.
Libes il-ħwejjeġ tal-vendetta,
u tgħatta bil-mantar tal-ħeġġa.#Għerf 5,17-23; Ef 6,14-17; 1 Tess 5,8.
18Skont għemilhom iħallashom;
saħna kontra l-avversarji tiegħu,
u ħlas għall-għedewwa tiegħu,
u jagħtihom ħaqqhom lill-artijiet tax-xtut.
19U jaraw mill-Punent isem il-Mulej,
u minn tlugħ ix-xemx il-glorja tiegħu.
Għax tiġi bħal xmara mfawra,
misjuqa b’nifs il-Mulej.#Mt 8,11; Lq 13,29.
20U feddej jiġi għal Sijon,
u għal nies Ġakobb li jħallu dnubhom,
oraklu tal-Mulej.#Is 41,14; Rum 11,26.
21“Dan hu l-patt tiegħi magħhom, jgħid il-Mulej:
L-ispirtu tiegħi li hemm fik u kliemi li qegħedt f’fommok, ma jitbegħdux minn fommok jew minn fomm uliedek, u wlied uliedek, minn issa u għal dejjem,” jgħid il-Mulej.#2 Sam 23,2; Is 51,16; 55,3; Ġer 1,9; Rum 11,27.
Currently Selected:
ISAIJA 59: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.