ISAIJA 55
55
Kapitlu 55
Maħfra għal kulħadd
1“Intom li bikom l-għatx, ejjew għall-ilma;
intom ukoll li m’għandkomx flus.
Ejjew, ixtru u kulu b’xejn,
inbid u ħalib bla ħlas.#Ġw 4,1-13; 6,35; 7,37-39; Apk 21,6; 22,17.
2Għaliex taħlu fluskom f’dak li mhuwiex ħobż,
u ġidkom f’dak li ma jxebbax?
Isimgħu minni, u tieklu tajjeb,
u ruħkom titpaxxa b’ikel bnin.#Prov 9,3-6; Sir 24,19-22; Ġw 6,35.
3Agħtuni widen u ersqu lejja,
isimgħu u tieħdu r-ruħ.
Nagħmel patt magħkom għal dejjem,
biex iseħħu l-favuri mwiegħda lil David#55,3: Il-favuri mwiegħda lil David: il-wegħdiet li Alla għamel lil David se jintemmu; ara 2 Sam 7,8-14; Lq 1,32-33; S 80,29-38..#2 Sam 7,12-16; Atti 13,34; Lhud 13,20; Apk 1,5.
4Ara, jien qegħedtu xhud fost il-ġnus,
prinċep u leġiżlatur fuq il-popli.
5Int ġens li ma tafx bih issejjaħ;
ġnus li ma jafukx jiġru lejk,
minħabba fil-Mulej, Alla tiegħek,
il-Qaddis ta’ Iżrael,
għax lilek żejjen bil-ġieħ.#Atti 13,34.
6Fittxu l-Mulej sakemm tistgħu ssibuh,
sejħulu sakemm hu fil-qrib!#Dt 4,7; S 145,18; Hos 5,6.
7Ħa jħalli triqtu l-midneb,
u l-bniedem il-ħażin fehmietu;
ħa jerġa’ lura għand il-Mulej u jħenn għalih,
għand Alla tagħna għax hu jaħfer ħafna.#Żak 1,3; Lq 15,20.
8“Il-fehmiet tiegħi mhumiex fehmietkom,
u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom,
oraklu tal-Mulej.
9Għax daqs kemm huma ogħla s-smewwiet mill-art,
daqshekk ieħor huma triqati ’l fuq minn triqatkom,
u l-fehmiet tiegħi mill-fehmiet tagħkom.#S 103,11.
10Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,
u tagħti ż-żerriegħa ’l min jiżra’ u l-ħobż ’il min jiekol,#2 Kor 9,10.
11hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel.#Għerf 18,14-15; Għam 8,11; Żak 1,5-6; Ġw 1,1-14.
12Iva, bil-ferħ għad toħorġu,
u bis-sliem titwasslu.
Quddiemkom f’għajjat ta’ ferħ jinfexxu
l-muntanji u l-għoljiet,
u ċċapċap idejha kull siġra tar-raba’.
13Minflok ix-xewk jitla’ ċ-ċipress,
minflok l-għollieq ir-riħan.
Dan ikun għall-glorja tal-Mulej,
sinjal għal dejjem li ma jitħassar qatt.”#Is 41,19; 44,3-4.
Currently Selected:
ISAIJA 55: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.