YouVersion Logo
Search Icon

ISAIJA 54

54
Kapitlu 54
L-imħabba tal-Mulej għal Iżrael
1Ifraħ int,
mara bla tfal#54,1: Mara bla tfal: Ġerusalemm imxebbha ma’ mara bla tfal, issa f’daqqa waħda timtela b’kotra ta’ wlied rieġgħa lura minn Babilonja; ara Gal 4,27. li ma wlidtx;
infexx għanni u għajjat bil-ferħ,
int li qatt ma ħassejt uġigħ il-ħlas!
Għax ħafna aktar huma wlied il-mitluqa
minn ulied il-miżzewġa,
jgħid il-Mulej.#1 Sam 2,5; S 113,9; Ġer 10,20; Gal 4,27.
2Kabbar il-post tal-għarix tiegħek,
wessa’ t-tined tal-għamajjar tiegħek,
tibżax għalihom;
tawwal il-ħbula tiegħek,
waħħal tajjeb il-kunjardi.#Is 26,15; 33,20; 49,20.
3Għax lejn il-lemin għad tinfirex u lejn ix-xellug,
u nislek jiret il-ġnus,
u fl-ibliet mitluqa jgħammar.
4Tibżax, int ma jkollokx mniex tistħi!
Tħammarx aktar wiċċek,
għax għajb ma jkollokx aktar.
Int għad tinsa l-għajb ta’ rmulitek,
ma tiftakarx iżjed fil-mistħija tar-romol tiegħek.
5L-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,
Jaħweh tal-eżerċti jismu;
il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael,
‘Alla tal-art kollha’ jissejjaħ.
6Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha
sejjaħlek il-Mulej,
‘bħal mara mitluqa f’żgħożitha,’
jgħid il-Mulej Alla tiegħek.#Is 49,14-15; Mal 2,14-15.
7Għal ftit jien tlaqtek;
imma bi mħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok.
8Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek;
bi mħabba ta’ dejjem inħenn għalik,
jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.#S 30,6; Is 41,14; 60,10.
9Dan għalija bħal fi żmien Noè,
meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.
Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik,
u lanqas ma nċanfrek.#Ġen 9,11-15.
10Jistgħu jitħarrku l-muntanji,
jitheżżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,
u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżżiżx,
jgħid il-Mulej li jħenn għalik.#Ġdt 16,15; S 46,3; 76,5; Rum 11,29.
Ġerusalemm il-ġdida
11“Magħkusa, imħabbta mill-irwiefen, mara bla faraġ!
Jien inqiegħed il-ġebel tiegħek bl-ifjen tajn;
u l-pedamenti tiegħek biż-żaffir.#Tob 13,17; Is 60,17-18; Apk 21,10-27.
12Nagħmel l-amberżuni ta’ swarek tar-rubini,
u bwiebek tal-karbunkli,
u d-dawra tas-swar tal-ħaġar prezzjuż.
13Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej,
kbir għad ikun ġid uliedek.#Ġer 31,33-34; Ġw 6,45.
14Fuq sies il-ġustizzja titwaqqaf,
’il bogħod mit-tagħkis,
għax ma għandekx imniex tibża’;
u ’l bogħod mit-twerwir, għax ma jersaqx lejk.#Is 1,26.
15Jekk jaħbtu għalik, ma jkunx minni;
min jaħbat għalik, jaqa’ quddiemek.
16Ara, jiena ħlaqt il-ħaddied
li jonfoħ fuq in-nar tal-ġamar,
u joħroġ l-għodda skont l-għan tagħha,
u jiena ħlaqt il-qerried biex iħarbat.
17Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa,
u kull ilsien li jħaqqaq kontrik
toħorġu b’ħati.
Din hi x-xorti tal-qaddejja tal-Mulej;
mingħandi jieħdu r-raġun,”
oraklu tal-Mulej.

Currently Selected:

ISAIJA 54: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in