YouVersion Logo
Search Icon

LHUD 7

7
Kapitlu 7
L-ordni saċerdotali ta’ Melkisedek
1Għax dan Melkisedek, sultan ta’ Salem u qassis ta’ Alla l-għoli, xħin Abraham kien ġej lura mix-xebgħa li kien ta lis-slaten, ħareġ jiltaqa’ miegħu u bierku;#Ġen 15,17-20. 2lilu mbagħad Abraham tah sehem minn kollox, bħala għexur. Isem Melkisedek ifisser l-ewwel nett “Sultan tal-Ġustizzja#7,2: Sultan tal-Ġustizzja: mill-isem Lhudi: Melek-sedek: Sultan ta’ Salem, Sultan ta’ Ġerusalemm, li kienet imsejħa wkoll Jeru-Salem, Belt is-Sliem.”, imbagħad “Sultan ta’ Salem”, jiġifieri, sultan tas-sliem. 3Hu jidher bla missier, bla omm, bla nisel, qisu la għandu bidu u lanqas tmiem ta’ ħajtu#7,3: U lanqas tmiem ta’ ħajtu: fil-Ġen 14 ma nsibu xejn dwar id-dixxendenza ta’ Melkisedek.. Imma, biex ikun jixbah lill-Iben ta’ Alla#7,3: Biex ikun jixbah lill-Iben ta’ Alla: xi wħud mil-Lhud kienu jqisu lil Melkisedek bħallikieku kien xi persunaġġ divin, salvatur nieżel mis-sema., jibqa’ qassis għal dejjem.#S 110,4.
4Araw mela kemm hu kbir dak li lilu l-patrijarka Abraham tah l-għexur mill-aħjar tal-priża! 5Tassew li dawk fost ulied Levi li jieħdu s-saċerdozju għandhom ukoll l-ordni mil-Liġi li jieħdu l-għexur mingħand il-poplu, jiġifieri, mingħand ħuthom, għalkemm dawn ukoll imnisslin minn Abraham;#Num 18,21. 6iżda Melkisedek, għad li mhuwiex min-nisel tagħhom, ħa l-għexur mingħand Abraham u bierku, lilu, li kellu l-wegħdiet. 7Issa ma hemmx dubju li hu ż-żgħir li jitbierek mill-kbir. 8Iżjed: fl-ewwel każ l-għexur qegħdin jeħduhom nies li jmutu, imma fil-każ l-ieħor għandna ’l dak li minnu jingħad li għadu ħaj. 9Anzi, biex ngħid hekk, Levi, li jieħu l-għexur, hu stess kien intaxxat f’Abraham, 10għax kien għadu fil-ġewwieni ta’ missieru#7,10: Fil-ġewwieni ta’ missieru: mnejn ħierġa l-qawwa fiżika ta’ raġel; fil-ġewwieni ta’ bniedem hemm diġà preżenti d-dixxendenza kollha tiegħu; ara Ġen 35,11; Rum 8,19. meta Melkisedek iltaqa’ miegħu.
11Issa, kieku l-perfezzjoni kellha tkun bis-saħħa tas-saċerdozju ta’ Levi - għax kien minħabba fih li l-poplu ħa l-Liġi - xi bżonn kien hemm li jqum qassis ieħor li jissejjaħ skont l-ordni ta’ Melkisedek u mhux skont l-ordni ta’ Aron? 12Għax jekk jitbiddel is-saċerdozju, jeħtieġ li titbiddel ukoll il-Liġi. 13U dak li fuqu jingħadu dawn il-ħwejjeġ hu minn tribù ieħor, li minnu qatt ma kien hemm ħadd mogħti għas-servizz tal-artal. 14Għax hu magħruf li l-Mulej tagħna ġej mit-tribù ta’ Ġuda#7,14: Il-Mulej tagħna ġej mit-tribù ta’ Ġuda: permezz ta’ David, dixxendent ta’ Ġuda., li fuqu Mosè qatt ma qal xejn meta tkellem fuq is-saċerdozju.#Ġen 49,10; Is 11,1; Mt 2,5; Apk 5,5.
15Dan jidher wisq aktar ċar fil-każ li l-qassis l-ieħor, li jiġi, ikun jixbah lil Melkisedek, 16hu li sar qassis mhux b’liġi tan-nisel tal-ġisem, imma bil-qawwa ta’ ħajja li ma tintemmx. 17Għax għalih tixhed l-Iskrittura:
“Int qassis għal dejjem
skont l-ordni ta’ Melkisedek.” # S 110,4; Lhud 5,6; 6,20.
18Għalhekk tħassar il-kmandament ta’ qabel, għax hu dgħajjef u bla siwi, 19billi l-Liġi xejn ma wasslet għall-perfezzjoni; imma daħlet tama aħjar li biha aħna noqorbu lejn Alla.#Lhud 9,9.
20U dan ma sarx bla ġurament; għax waqt li dawk saru qassisin bla ġurament, 21dan, għall-kuntrarju, sar qassis bil-ġurament, skont il-kelma ta’ dak li għalih qal:
“Ħalef il-Mulej,
u ma jisgħobx bih:
Int qassis għal dejjem.” # S 110,4; Lhud 5,6; 6,20; 7,17.
22Daqshekk ieħor hu aqwa l-patt li tiegħu Ġesù hu l-medjatur.#Lhud 8,6; 12,24. 23Dawk tal-imgħoddi kienu jsiru qassisin f’għadd kbir, għax minħabba fil-mewt ma kinux jistgħu jibqgħu għal dejjem. 24Imma Ġesù, billi jibqa’ għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt. 25Għalhekk ukoll huwa jista’ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa’ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.#Rum 8,34; 6,20; 7,17; 1 Ġw 2,1.
26Dan hu, tabilħaqq, il-qassis il-kbir li kien jgħodd għalina: qaddis, innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin, merfugħ ’il fuq mis-smewwiet;#Lhud 3,1; 4,14; 6,20; 8,1; 9,11. 27li ma għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu.#Lev 9,7; 16,6-15. 28Għax il-Liġi tqiegħed bħala qassisin il-kbar bnedmin li huma dgħajfa; iżda l-kelma tal-ġurament, li ġiet wara l-Liġi, tqiegħed Iben, li ġie magħmul perfett għal dejjem.#Lhud 5,1-2.

Currently Selected:

LHUD 7: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in