YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 46

46
Kapitlu 46
Ġakobb imur l-Eġittu
1U Iżrael telaq b’kulma kellu u ġie Birsaba, u hemm offra sagrifiċċji lil Alla ta’ missieru Iżakk. 2U Alla kellem lil Iżrael f’dehra billejl u qallu: “Ġakobb, Ġakobb,” u hu wieġeb: “Hawn jien!”#Ġen 31,24. 3U wieġbu: “Jiena Alla, Alla ta’ missierek. La tibżax tinżel l-Eġittu, għax hemm għad nagħmlek ġens kbir.#Ġen 26,23-24. 4Jien ninżel miegħek l-Eġittu, u jien għad intellgħek minn hemm, u id Ġużeppi għad tagħlaqlek għajnejk.”
5U Ġakobb telaq minn Birsaba; u wlied Iżrael rikkbu lil Ġakobb missierhom, u ż-żgħar tagħhom, u n-nisa tagħhom fuq il-karrijiet li kien bagħtilhom il-Fargħun biex iġorruh. 6U ħadu magħhom l-imrieħel u l-ġid li rnexxielhom iħasslu fl-art ta’ Kangħan, u waslu l-Eġittu, Ġakobb u miegħu n-nisel kollu tiegħu:#Eż 1,1; Ġoż 24,4; Ġdt 5,10; Atti 7,15. 7uliedu u wlied uliedu miegħu, bnietu u bniet uliedu, u nislu kollu ġieb miegħu l-Eġittu.
In-nisel ta’ Ġakobb
8U dawn huma l-ismijiet ta’ wlied Iżrael#46,8: U dawn huma l-ismijiet ta’ wlied Iżrael: din il-lista ta’ ismijiet iġġib fiha l-ismijiet tad-dixxendenti ta’ Ġakobb ħafna żmien wara, jiġifieri hi lista maħduma fi żmien Mosè jekk mhux wara; ara Num 26,5-50., li ġew l-Eġittu, Ġakobb u wliedu: Il-kbir ta’ Ġakobb, Ruben,#Eż 1,1-4; Num 26,4-50. 9u wlied Ruben: Ħanok, Pallu, Ħesron u Karmi.#Eż 6,14; 1 Kron 5,3. 10Ulied Simgħon: Ġemuwel, Ġamin, Oħad, Ġakin, Soħar, Sawl bin il-Kangħanija.#Eż 6,15; 1 Kron 4,24. 11Ulied Levi: Gersun, Keħat u Merari.#Eż 6,16; Num 3,17; 26,57; 1 Kron 6,1. 12Ulied Ġuda: Għer, Onan, Sela, Pereż, Żeraħ (Għer u Onan kienu mietu fl-art ta’ Kangħan). Ulied Pereż kienu Ħesron u Ħamul.#Ġen 38,3-10; 1 Kron 2,5. 13Ulied Issakar: Tola, Puwa, Ġob u Simron.#1 Kron 7,1. 14Ulied Żebulun: Sered, Elon, u Ġaħlijel. 15Dawn kienu wlied Lija, li wildet lil Ġakobb f’Fiddien-aram, u bintu Dina. B’kollox uliedu, subien u bniet, kienu tlieta u tletin. 16U wlied Gad: Sifijun, Ħaggi, Suni, Esbon, Għeri, Arodi u Areli. 17Ulied Aser: Imna, Iswa, Iswi, Berigħa, u oħthom Xeraħ. Ulied Berigħa kienu: Ħeber u Malkijel.#1 Kron 7,30-31. 18Dawn kienu wlied Żilfa, li Laban kien ta lil bintu Lija; hi wildet lil dawn lil Ġakobb, sittax-il ruħ. 19Ulied Rakel, mart Ġakobb: Ġużeppi u Benjamin. 20Lil Ġużeppi tweldulu tfal fl-art tal-Eġittu, wildithomlu Asenat, bint Putifera, il-qassis ta’ On, u kienu Manassi u Efrajm.#Ġen 41,45-50. 21Ulied Benjamin: Bela, Beker, Asbel, Gera, Nagħman, Eħi, Ros, Muffim, Ħuffim u Ard.#1 Kron 7,6; 8,1-4. 22Dawn ulied Rakel, li twieldu lil Ġakobb, b’kollox erbatax-il ruħ. 23Ulied Dan: Ħusin. 24Ulied Naftali: Ġaħsel, Guni, Ġeser u Sillem.#1 Kron 7,13. 25Dawn huma wlied Bilħa, li Laban kien ta lil bintu Rakel, li b’kollox wildet lil Ġakobb seba’ wlied.
26Dawk kollha li marru l-Eġittu ma’ Ġakobb, li ħarġu minn ġewwenih, minbarra n-nisa ta’ wlied Ġakobb, b’kollox sitta u sittin ruħ.#Eż 1,5. 27Ulied Ġużeppi li twildulu l-Eġittu kienu tnejn. B’kollox nies Ġakobb, li ġew l-Eġittu, kienu sebgħin ruħ.#Dt 10,22; Atti 7,14.
Ulied Iżrael fl-Eġittu
28U Ġakobb bagħat lil Ġuda qablu għand Ġużeppi, biex jiltaqa’ miegħu f’Gosen; u huma ġew fl-art ta’ Gosen. 29U Ġużeppi rama l-karru tiegħu u mar jiltaqa’ ma’ Iżrael, missieru, f’Gosen. Malli deher quddiemu nxteħet fuq għonqu u baqa’ għal ħafna żmien mgħannaq miegħu u jibki.#Ġen 45,15. 30U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ħa mmut issa li rajt ’il wiċċek, issa li naf li għadek ħaj.” 31U Ġużeppi qal lil ħutu u lid-dar ta’ missieru: “Ħa mmur u nagħti l-aħbar lill-Fargħun, u ngħidlu, ‘Ħuti u dar missieri, li kien fl-art ta’ Kangħan, ġew għandi.#Ġen 45,16-18. 32Dawn in-nies huma rgħajja, għax huma nies tal-imrieħel, u ġiebu magħhom l-imrieħel u l-baqar tagħhom, u kulma għandhom.’ 33U meta l-Fargħun isejħilkom u jistaqsikom x’tagħmlu, 34għidulu: ‘Nies tal-imrieħel il-qaddejja tiegħek minn ċkunitna s’issa, aħna u missirijietna,’ biex tibqgħu tgħammru fl-art ta’ Gosen, għax l-Eġizzjani jistmerru r-rgħajja kollha tal-imrieħel.”

Currently Selected:

ĠENESI 46: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in