ĠENESI 16
16
Kapitlu 16
Saraj u Ħagar
1U Saraj, mart Abram, ma wilditlux tfal; u kellha qaddejja Eġizzjana jisimha Ħagar.#Ġen 11,30. 2U Saraj qalet lil Abram: “Ara, il-Mulej ma tanix li niled. Ersaq lejn il-qaddejja tiegħi, forsi jkolli tfal minnha.” U Abram sama’ minn kliem Saraj.#Ġen 21,8-9; Gal 4,22. 3U Saraj mart Abram qabdet lil Ħagar, il-qaddejja Eġizzjana tagħha, għaxar snin wara li Abram kien ilu jgħammar f’Kangħan, u tatha lil Abram żewġha b’martu. 4U Abram resaq lejn Ħagar, u din tqalet, u malli ntebħet li tqalet, lil sidtha ma stmathiex aktar.
5U Saraj qalet lil Abram: “Int taħti għal għajbi! Jiena tajtek il-qaddejja tiegħi fi ħdanek, u issa, għax rat li tqalet, mhijiex tistmani aktar. Ħa jagħmel ħaqq il-Mulej bejni u bejnek!”#Ġen 21,10-19. 6U Abram wieġeb lil Saraj: “Ara l-qaddejja tiegħek f’idejk, agħmlilha li jidhirlek li hu sewwa.” U Saraj għakksitha, u l-oħra ħarbet minn quddiem għajnejha.
7U sabha l-anġlu tal-Mulej#16,7: Anġlu tal-Mulej: messaġġier ta’ Alla; fil-vers 13 hu l-istess Alla. Manifestazzjoni ta’ Alla f’sura ta’ bniedem. ħdejn għajn tal-ilma fid-deżert, l-għajn li hemm fit-triq ta’ Sur.#Eż 15,22. 8U qalilha: “Ħagar, qaddejja ta’ Saraj, mnejn ġejja, u fejn int sejra?” U hi wieġbet: “Jiena ħrabt minn quddiem sidti Saraj.” 9U weġibha l-anġlu tal-Mulej: “Erġa’ lura lejn sidtek, u oqgħod għaliha.” 10U żied jgħidilha l-anġlu tal-Mulej: “Jien inkattar fuq li nkattar lil nislek, u ma jingħaddx għall-kotra.”#Ġen 17,20; 21,13; 25,12-18. 11U kompla jgħidilha l-anġlu tal-Mulej:
“Arak, int tqila u tiled iben,
u ssejjaħlu Ismagħel.
Għax il-Mulej sama’ b’hemmek.
12U hu jkun bniedem bħal ħmar selvaġġ,
idu kontra kulħadd,
u id kulħadd kontrih,
u kontra ħutu kollha jgħammar.”#Ġen 21,20; 25,18.
13Imbagħad hi semmiet il-Mulej li kien kellimha: “Int El-roj, Alla li tħalli ’l min jarak.” Għax qalet: “Ma rajtux jien, u bqajt ħajja wara li rajtu#16,13: U bqajt ħajja wara li rajtu: skont l-idea li kellhom li min jara lil Alla jmut; ara Ġen 32,31; Eż 20,19; Dt 4,33; Mħ 13,22. Bir-laħaj-roj: il-bir fejn wieħed jara lil Alla u jibqa’ ħaj.?”#Ġen 24,62. 14U għalhekk sejħet dak il-bir, Bir-laħaj-roj, il-bir li hemm bejn Kades u Bered.
15U Ħagar wildet iben lil Abram, u Abram semma t-tifel li wilditlu Ħagar Ismagħel.#Ġen 16,2; Gal 4,22. 16U Abram kellu sitta u tmenin sena meta Ħagar wilditlu lil Ismagħel.
Currently Selected:
ĠENESI 16: MB20
Highlight
Share
Copy
Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.