YouVersion Logo
Search Icon

GALATIN 3

3
Kapitlu 3
Jew il-Liġi jew il-fidi
1Ja Galatin bla moħħ, min saħħarkom bi kliemu? Intom li Ġesù Kristu tpinġa msallab quddiem għajnejkom! 2Dan biss irrid naf minn għandkom: l-Ispirtu rċevejtuh mill-opri tal-Liġi jew mis-smigħ tal-fidi? 3Daqshekk intom boloh? Bdejtu bl-ispirtu u issa sa tkomplu bil-ġisem? 4Batejtu dan kollu għal xejn, jekk tassew għal xejn? 5Meta Alla jagħtikom l-Ispirtu u juri s-setgħa tiegħu permezz tagħkom, dan isir bis-saħħa tal-opri tal-Liġi jew bis-smigħ tal-fidi? 6Hekk, Abraham “emmen lil Alla, u dan kien magħdud lilu għall-ġustifikazzjoni.”#Ġen 15,6; Rum 4,3.
7Kunu afu mela, li dawk li jemmnu, dawk huma wlied Abraham. 8U l-Iskrittura, li rat sa minn qabel li Alla kellu jiġġustifika l-Ġentili permezz tal-fidi, ħabbret minn qabel lil Abraham: ‘Fik jitbierku l-ġnus kollha’.#Ġen 12,3; Ġen 18,18; Sir 44,21; Atti 3,25. 9Għalhekk dawk li jemmnu jitbierku ma’ Abraham li kien jemmen.#Rum 4,16. 10Imma dawk kollha li jgħixu bl-opri tal-Liġi huma taħt is-saħta. Għax hemm miktub: ‘Misħut kull min ma joqgħodx għall-ħwejjeġ kollha li hemm imniżżla fil-ktieb tal-Liġi u ma jagħmilhomx’.#Dt 27,26. 11U li ħadd permezz tal-Liġi ma hu ġġustifikat quddiem Alla jidher ċar, ladarba ‘il-ġust jgħix bil-fidi’;#Ħab 2,4; Rum 3,20; Gal 2,16. 12issa l-Liġi mhijiex ġejja mill-fidi, imma ‘min jagħmel dawn il-ħwejjeġ jgħix bihom’.#Lev 18,5; Rum 10,5. 13Kristu fdiena mis-saħta tal-Liġi billi sar hu nnifsu saħta għalina, għax hemm miktub: ‘Misħut min ikun imdendel mal-għuda’,#Dt 21,23; Rum 8,3; 2 Kor 5,21; Gal 4,5. 14biex fi Kristu Ġesù l-barka ta’ Abraham tilħaq il-ġnus kollha, u biex permezz tal-fidi aħna nilqgħu l-wegħda tal-Ispirtu.
Il-Liġi u l-wegħda
15Sa nitkellem ta’ bniedem, l-aħwa: testment, għad li jkun ta’ bniedem, ħadd ma jista’ jwaqqgħu jew iżid miegħu kemm-il darba jkun magħmul kif imiss. 16Issa l-wegħdiet saru lil Abraham ‘u lin-nisel’ tiegħu. L-Iskrittura ma tgħidx ‘u lin-nislijiet’ bħallikieku kienu ħafna, iżda bħallikieku wieħed: ‘lin-nisel tiegħek’, li hu Kristu.#Ġen 12,7; 13,15; 17,7; 24,7. 17Jien dan ngħid: Liġi, li ġiet erba’ mija u tletin sena wara#3,17: Erba’ mija u tletin sena wara: skont it-traduzzjoni Griega tat-Testment il-Qadim; Eż 12,40-41., ma tistax tħassar patt, magħmul kif imiss minn Alla, b’mod li ġġib fix-xejn il-wegħda.#Eż 12,40. 18Għax jekk il-wirt ġej bis-saħħa tal-Liġi, mela ma jkunx bis-saħħa tal-wegħda; iżda kien bis-saħħa tal-wegħda li Alla ta l-grazzja lil Abraham.#Rum 4,14; 11,6. 19Għalfejn il-Liġi, mela? Kienet żjieda li saret minħabba fid-dnub…?#3,19: Kienet żjieda li saret minħabba fid-dnub…: jew: biex tieħu postha ħdejn id-dnub… sakemm ma jkunx ġie n-nisel li għalih saret il-wegħda, li kienet imxandra mill-anġli#3,19: Imxandra mill-anġli: skont it-tradizzjoni Lhudija; ara Atti 7,38-53. permezz ta’ medjatur.#Atti 7,38-53; Rum 5,20; Lhud 2,2. 20Iżda l-medjatur mhuwiex ta’ wieħed; imma Alla hu wieħed.
M’intomx ilsiera, imma wlied
21Mela l-Liġi hi kontra l-wegħdiet ta’ Alla? Ma jkun qatt! Għaliex kieku ngħatat liġi li tista’ tagħti l-ħajja, allura tassew li l-ġustifikazzjoni kienet tkun bis-saħħa tal-Liġi.#Rum 8,2-4. 22Imma l-Iskrittura xeħtet kollox taħt id-dnub, ħalli l-wegħda, bis-saħħa tal-fidi f’Ġesù#3,22: Bis-saħħa tal-fidi f’Ġesù: jew ta’ Ġesù; ara Gal 2,16. Kristu, tingħata lil dawk li jemmnu.#Rum 3,11-19; 11,32.
23Qabel ma ġiet il-fidi, aħna konna miżmumin priġunieri taħt il-ħarsien tal-Liġi, sa ma tiġi l-fidi li kellha tkun irrivelata.#Gal 4,3. 24Il-Liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu#3,24: Kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu: letteralment: kienet il-pedagogu waqt li nistennew lil Kristu., biex inkunu ġġustifikati permezz tal-fidi.#Rum 10,4. 25Issa li l-fidi ġiet, ma neħtiġux aktar min imexxina.
26Għax intom ulied Alla lkoll kemm intom, permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.#Ġw 1,12. 27Intom, li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ’l Kristu.#Rum 6,3; 13,14. 28Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.#Rum 10,12. 29Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skont il-wegħda.#Rum 4,13.

Currently Selected:

GALATIN 3: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in