YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 37

37
Kapitlu 37
L-arka tal-patt
1Besalel għamel l-arka tal-injam tal-gażżi, żewġt idriegħ u nofs it-tul, u driegħ u nofs il-wisa’, u driegħ u nofs l-għoli tagħha.#Eż 25,10-39. 2U ksieha b’deheb fin minn ġewwa u minn barra, u għamlilha dawra tad-deheb. 3U dewweb id-deheb u għamlilha erba’ ħolqiet għall-erba’ saqajn tagħha, u żewġ ħolqiet għal naħa, u żewġ ħolqiet għal naħa oħra. 4U għamel lasti tal-gażżi u ksiehom bid-deheb. 5U daħħal il-lasti fil-ħolqiet fil-ġnub tal-arka biex iġorruha bihom. 6U għamel għatu tad-deheb fin, żewġt idriegħ u nofs twil, u driegħ u nofs wiesa’. 7Għamel ukoll żewġ kerubini tad-deheb, tad-deheb mastizz għamilhom, wieħed kull naħa fiż-żewġt itruf tal-għatu. 8Il-kerubini għamilhom wieħed fuq din in-naħa, u l-ieħor in-naħa l-oħra; biċċa waħda mal-għatu għamel il-kerubini fuq iż-żewġ naħat. 9Il-kerubini kienu bi ġwenħajhom miftuħa ’l fuq u jgħattu bi ġwenħajhom l-għatu, u jħarsu lejn xulxin, wiċċhom lejn l-għatu.
Il-mejda tal-ħobż
10Għamel ukoll il-mejda tal-injam tal-gażżi, żewġt idriegħ twila, u driegħ wiesgħa, u driegħ u nofs għolja. 11U induraha bid-deheb fin, u għamlilha tilar għoli erbat iswaba’ madwarha. 12U għamel wkoll tilar dawra tond għoli erbat iswaba’, u bastun tad-deheb madwar it-tilar. 13U għamel erba’ ħolqiet tad-deheb imdewweb u qegħedhom fl-erba’ kantunieri fuq is-saqajn. 14Il-ħoloq kienu ħdejn it-tilar, fejn jidħlu l-lasti, biex jerfgħuha. 15Għamel il-lasti tal-injam tal-gażżi, u ksiehom bid-deheb, biex jerfgħu l-mejda. 16Għamel imbagħad it-tagħmir għal fuq il-mejda: platti, imgħaref, kwies, u bwieqi għat-tiswib tal-libazzjonijiet, kollox tad-deheb fin.
L-imnara
17Għamel ukoll l-imnara bid-deheb mastizz fin; is-sieq u l-bastun tagħha, bil-ġewż u ż-żibeġ u ż-żahar, ħerġin minnha. 18Sitt friegħi ħierġa mill-ġnub tal-imnara: tliet friegħi minn naħa, u tliet friegħi min-naħa l-oħra; 19tliet ġewżiet f’forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibġa u l-weraq fuq l-ewwel fergħa; tliet ġewżiet f’forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibġa u l-weraq, fuq il-fergħa l-oħra; u hekk l-istess is-sitt friegħi ħerġin mill-imnara. 20U fuq l-imnara għamel erba’ ġewżiet f’forma taż-żahar tal-lewż, biż-żibeġ u l-weraq. 21Kien hemm żibġa taħt żewġ friegħi tagħha, żibġa taħt iż-żewġ friegħi l-oħra tagħha, u żibġa taħt l-aħħar żewġ friegħi tagħha, taħt is-sitt friegħi ħerġin minnha. 22Il-ġewżiet u l-friegħi biċċa waħda magħha; kollox biċċa waħda tad-deheb mastizz fin. 23U għamel is-seba’ msiebaħ tagħha, bl-imqassijiet u l-bwieqi tagħhom; kollox tad-deheb fin. 24Kollox b’talent tad-deheb fin biex għamel lilha u t-tagħmir tagħha.
L-artal tal-inċens
25U għamel l-artal tal-inċens mill-injam tal-gażżi, kien kwadru: driegħ tul, u driegħ wisa’, u żewġt idriegħ għoli, bil-qrun ħerġin minnu,#Eż 30,1-5. 26u ksieh bid-deheb fin: il-wiċċ, il-ġnub dawramejt, u l-qrun; u għamillu kuruna tad-deheb madwaru. 27U għamillu żewġ ħolqiet tad-deheb; u qegħedhom taħt il-kuruna fuq iż-żewġ naħat, biex jidħlu fihom il-lasti biex iġorruh bihom. 28Dawn il-lasti għamilhom mill-injam tal-gażżi, u ksiehom bid-deheb.
Iż-żejt tal-konsagrazzjoni
29U għamel iż-żejt tal-konsagrazzjoni u l-fwieħa bil-ħwawar, xogħol il-fewwieħ.#Eż 30,23-25.

Currently Selected:

EŻODU 37: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in