YouVersion Logo
Search Icon

EŻODU 36

36
Kapitlu 36
1Besalel u Oħolijab u kull bniedem tas-sengħa li l-Mulej tah għerf u dehen, biex jagħrfu jaħdmu kull xogħol meħtieġ għas-servizz tas-santwarju, ħadmu skont kulma kien ordna l-Mulej.#Eż 31,1-6. 2Mosè sejjaħ lil Besalel u ’l Oħolijab u kull bniedem tas-sengħa li l-Mulej tah l-għerf u ’l dawk kollha li għamlu l-qalb li joffru ruħhom għax-xogħol. 3U ħadu mingħand Mosè l-offerti kollha li l-poplu ta’ Iżrael kien ġieb minn rajh għas-servizz tas-santwarju li kellu jsir. Imma l-poplu baqa’ jġiblu offerti għodwa wara l-oħra. 4U ġew in-nies tas-sengħa, li kienu jaħdmu x-xogħol tas-santwarju, kull wieħed minn fuq ix-xogħol li kien qiegħed jagħmel, 5u qalu lil Mosè: “In-nies qegħdin iġibu iżjed milli jeħtieġ għax-xogħol li ordnalna nagħmlu l-Mulej.” 6Imbagħad Mosè ordna li jxerrdu l-kelma fil-kamp li tgħid: “Ebda raġel jew mara m’għandhom jagħmlu xejn iżjed biex joffru għas-santwarju” u l-poplu ma tħalliex iġib iżjed 7għax kien hemm biżżejjed, anzi ż-żejjed, għax-xogħol li kellu jsir.
Id-drapp għat-tabernaklu
8Imbagħad in-nies tas-sengħa fost il-ħaddiema għamlu t-tabernaklu b’għaxar purtieri tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, bil-kerubini minsuġin fihom bis-sengħa.#Eż 26,1-29. 9Kull purtiera kienet tmienja u għoxrin driegħ twila u erbat idriegħ wiesgħa, kollha daqs wieħed. 10U ħames purtieri minnhom għaqqadhom flimkien waħda mal-oħra; u hekk ukoll il-ħamsa l-oħra għaqqadhom waħda mal-oħra. 11U għamel qfieli vjola fil-keffa tal-purtiera ta’ barra ta’ sett minnhom, u hekk ukoll għamel fil-keffa tal-purtiera ta’ barra tat-tieni sett. 12Għamel ukoll ħamsin qafla f’purtiera waħda, u ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera tat-tieni sett; il-qfieli kienu jaqblu waħda mal-oħra. 13Għamel ukoll ħamsin ħolqa tad-deheb, u għaqqad il-purtieri flimkien waħda mal-oħra bil-ħoloq, u hekk it-tabernaklu sar ħaġa waħda.
14Għamel ukoll purtieri tax-xagħar tal-mogħoż għat-tinda tat-tabernaklu; ħdax-il purtiera għamel minnhom. 15Kull purtiera kienet ta’ tletin driegħ tul u l-wisa’ tagħha erbat idriegħ; il-ħdax-il purtiera kienu daqs wieħed. 16Ħames purtieri minnhom għaqqadhom flimkien, u hekk ukoll is-sitta l-oħra. 17Imbagħad għamel ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera ta’ barra f’sett, u ħamsin qafla oħra fil-keffa tal-purtiera ta’ barra tas-sett l-ieħor. 18Għamel ukoll ħamsin ħolqa tal-bronż biex jgħaqqad it-tinda u ssir ħaġa waħda. 19Għamel ukoll għata mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u għata tad-denfil għal fuq kollox.
It-tavlar tat-tabernaklu
20U għamel twavel wieqfa tal-gażżi għat-tabernaklu. 21Kull waħda kienet għaxart idriegħ twila, u driegħ u nofs wiesgħa. 22Kien hemm żewġ minċotti f’kull tavla, biex jgħaqqadhom ma’ xulxin; u għamel l-istess bit-twavel kollha tat-tabernaklu. 23U qassam it-twavel tat-tabernaklu b’dan il-mod: għoxrin tavla n-naħa t’isfel, iħarsu lejn in-Nofsinhar; 24u għamel erbgħin maqgħad tal-fidda taħt l-għoxrin tavla; tnejn taħt waħda għaż-żewġ minċotti tagħha, u żewġ imqagħad għal taħt l-oħra għaż-żewġ minċotti tagħha. 25U fuq it-tieni naħa li tħares lejn it-Tramuntana, għoxrin tavla oħra, 26bl-erbgħin maqgħad tagħhom tal-fidda, tnejn taħt waħda u tnejn taħt oħra. 27Fuq in-naħa ta’ wara li tħares lejn il-Punent għamel sitt twavel. 28U għamel żewġ twavel ukoll għall-kantunieri tan-naħa ta’ wara; 29minn isfel kienu magħqudin ma’ xulxin, u mir-ras kienu jidħlu f’ħolqa waħda; u għamel l-istess għat-tnejn: dawn kienu jservu għaż-żewġ kantunieri. 30U kien hemm tmien twavel bil-maqgħad tagħhom tal-fidda, sittax-il maqgħad b’kollox, żewġ imqagħad taħt tavla, u żewġ imqagħad taħt oħra. 31U għamel traversi tal-gażżi; ħamsa għat-twavel ta’ naħa, 32u ħamsa għan-naħa l-oħra tat-tabernaklu; ħamsa oħra għan-naħa ta’ wara tat-tabernaklu, li tħares lejn il-Punent. 33U t-traversa tan-nofs, f’nofs l-għoli tat-twavel, tgħaddi minn tarf għall-ieħor. 34U kesa t-twavel bid-deheb; u għamel ħoloq tad-deheb, biex iżommu t-traversi, u kesa t-traversi bid-deheb.
Il-velu
35Għamel ukoll il-velu tal-għażel minsuġ fin, fil-vjola, porpra u skarlatt, b’kerubini minsuġin fih, xogħol tas-sengħa.#Eż 26,31-32. 36U għamillu erba’ kolonni tal-gażżi bil-ganċijiet tagħhom tad-deheb, u erba’ mqagħad tal-fidda mdewba.
37Għamel ukoll purtiera fid-dħul tat-tabernaklu tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ. 38U kesa bid-deheb il-ħames kolonni tagħhom, il-ganċijiet tagħhom, l-irjus, u l-ħoloq tagħhom. U għamel l-imqagħad tagħhom tal-bronż.

Currently Selected:

EŻODU 36: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in