YouVersion Logo
Search Icon

EFESIN 4

4
Kapitlu 4
Ir-rabta ta’ dan il-ġisem
1Inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin;#Ef 3,1; Fil 1,7-13; Kol 1,10; Film 19. 2billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin.#Kol 3,12-13. 3Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem;#Kol 3,14-15. 4ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda;#Rum 12,5; Ef 2,16-18. 5Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda;#Ġw 10,16; 1 Kor 8,6. 6Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.#1 Kor 12,6.
7Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’ Kristu.#Rum 12,3-6; 1 Kor 12,11. 8Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura:
“Tala’ fil-għoli, jassar l-ilsiera,
ta doni lill-bnedmin.” # S 68,18; Kol 2,15.
9“Tela’,”: xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art?#Ġw 3,13. 10Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox. 11U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin:#1 Kor 12,28. 12Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu,#2 Tim 3,17; 1 Pt 2,5. 13sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu,#Kol 1,28. 14u ma nkunux aktar trabi mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bnedmin u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.#1 Kor 14,20. 15Imma waqt li nagħmlu s-sewwa fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu.#Ef 1,22; 5,23; Kol 1,18. 16Fih il-ġisem kollu jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz tal-għekiesi kollha li jservuh skont il-ħidma ta’ kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba.#Kol 2,19.
Il-ħajja l-ġdida u l-qadima
17Jiena dan ngħidilkom u nwissikom quddiem il-Mulej: li ma ġġibux iżjed ruħkom skont ma jġibu ruħhom il-pagani bil-bluha ta’ moħħhom.#Rum 1,21. 18Il-fehma tagħhom hi mdallma, maqtugħa mill-ħajja ta’ Alla minħabba l-injoranza li għandhom u l-ebusija ta’ qalbhom.#Ef 2,12; Kol 1,21; 1 Pt 1,14. 19Huma tilfu kull sentiment u ntelqu għal ħajja bla rażan, għal kull xorta ta’ żina bla xaba’.#Kol 3,5. 20Imma intom mhux hekk tgħallimtu ’l Kristu - 21jekk intom smajtuh u tgħallimtuh skont il-verità li hi f’Ġesù - 22jiġifieri, li għandkom twarrbu l-ħajja tagħkom ta’ qabel u tinżgħu l-bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa,#Gal 6,8; Kol 3,9. 23u li għandkom tiġġeddu b’tibdila spiritwali tal-fehma tagħkom#Rum 12,2. 24u tilbsu l-bniedem il-ġdid, maħluq skont Alla, fil-ġustizzja u l-qdusija tassew.#Ġen 1,26; Kol 3,10.
Ir-regola għall-ħajja ġdida
25Warrbu minnkom il-gideb u għidu l-verità wieħed lill-ieħor, għax aħna membri ta’ xulxin.#Żak 8,16; Kol 3,8-9. 26Tinkurlaw? Imma tidinbux; tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom,#S 4,4; Ġak 1,19-20. 27u tagħtux il-wisa’ lix-Xitan. 28Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar; imma jaħdem bl-onestà b’idejh biex ikun jista’ jgħin lil min ikun fil-bżonn.#1 Tess 4,11. 29Ebda kelma mhux xierqa m’għandha toħroġ minn fommkom, imma kliem sewwa li jedifika skont il-ħtieġa, kliem li jagħmel il-ġid lil min jisimgħu.#Ef 5,4; Kol 3,8; 4,6. 30U tnikktux l-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li fih intom issiġillati għal jum il-fidwa.#Is 63,10; Ef 1,13-14; 1 Tess 5,19. 31Imrar, saħna, korla, tagħjir, għajjat, dan kollu warrbuh minnkom, u wkoll kull ħażen ieħor.#Kol 3,8. 32Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom#4,32: Ħafer lilkom: Mss oħra ħafer lilna. fi Kristu.#Mt 6,14; 18,22-35; Kol 3,12-13.

Currently Selected:

EFESIN 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in