YouVersion Logo
Search Icon

ATTI TAL-APPOSTLI 24

24
Kapitlu 24
L-akkuża kontra Pawlu
1Ħamest ijiem wara niżel il-qassis il-kbir Ħananija ma’ xi wħud mix-xjuħ u ma’ ċertu avukat jismu Tertullu, u ressqu l-każ tagħhom kontra Pawlu quddiem il-gvernatur.#Atti 25,2. 2Meta l-gvernatur sejjaħ lil Pawlu, Tertullu beda jakkużah u jgħid lil Feliċ: “Eċċellenza, bis-saħħa tiegħek aħna qegħdin ingawdu paċi kbira, u bil-għaqal tiegħek sar ħafna tibdil għall-aħjar ta’ dan il-poplu. 3Dan kollu aħna nilqgħuh minn qalbna, għalkollox u kullimkien, u nibqgħu nafuhulek sewwa. 4Imma, biex ma ndewmekx ħafna, nitolbok tismagħna fil-qosor b’dik it-tjieba tiegħek. 5Għax aħna sibna li dan ir-raġel hu bniedem mill-agħar, u li qiegħed iqajjem it-tixwix fost il-Lhud kollha mxerrda mad-dinja u hu wieħed mill-mexxejja tas-setta tan-Nazarin#24,5: Tan-Nazarin: l-insara jsejħulhom Nazarin bħala dixxipli ta’ Ġesù li kien minn Nazaret; minn hawn ġejja l-kelma nisrani, insara; ara nota Mt 26,71..#Atti 17,6; 24,14. 6Saħansitra fittex li jkasbar it-tempju; imma aħna qbadnieh#24,6: Imma aħna qbadnieh: xi manuskritti jżidu vv. 6b-8a: u ridna nagħmlu ħaqq minnu skont il-Liġi tagħna. 7: Iżda ndaħal it-tribun Lisja u ħadhulna minn idejna bil-forza. 8: u ordna lil min xlieh biex jidher quddiemek; ara 21,28. 30.. 8Int stess tista’ tistaqsih biex tkun taf mingħandu wkoll fuqiex qegħdin nakkużawh.” 9Il-Lhud ukoll qablu miegħu u bdew jgħidu li l-fatt kien hekk tassew.
Id-difiża ta’ Pawlu quddiem Feliċ
10Il-gvernatur għamillu sinjal biex jitkellem u Pawlu wieġeb: “Jiena naf li int ilek għal ħafna snin tiggverna lil dan il-poplu; għalhekk nagħmel il-qalb u niddefendi l-kawża tiegħi. 11Kif int tista’ tkun taf, ma ilix aktar minn tnax-il jum li tlajt Ġerusalemm biex nagħti qima fit-tempju;#Atti 8,27; 21,17. 12u l-Lhud ma sabuni niddiskuti ma’ ħadd, anqas ma sabuni nxewwex lill-poplu, la fit-tempju, la fis-sinagogi u lanqas fil-belt. 13Anqas ma jistgħu jippruvawlek l-akkużi li qegħdin iġibu kontrija. 14Jien dan nistqarrlek; skont it-Triq tal-Mulej, li huma jgħidulha setta#24,14: Setta: tan-Nazarin; ara nota 24,5. Il-Liġi u l-Profeti: it-TQ kollu., jiena naqdi lil Alla ta’ missirijietna u nemmen dak kollu li hemm fil-Liġi u l-Profeti,#Atti 24,5. 15waqt li nittama f’Alla - kif jittamaw dawn ukoll - li kemm it-tajbin u kemm il-ħżiena għad iqumu minn bejn l-imwiet.#Dan 12,2; Ġw 5,28-29; Atti 23,6. 16Għalhekk jien ukoll dejjem nitħabat biex ngħix b’kuxjenza nadifa quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.#Atti 23,1. 17Wara ħafna snin, ġejt bl-offerti tal-karità għall-poplu tiegħi, u ġibt miegħi l-offerti tas-sagrifiċċju wkoll.#Atti 11,29-30; Rum 15,25-27; Gal 2,10. 18Hekk sabuni fit-tempju, waqt ir-rit tal-purifikazzjoni tiegħi, u la ma’ xi ġemgħa nies u lanqas f’xi rewwixta.#Atti 21,26-27. 19Kienu xi Lhud mill-Asja li sabuni, u jmisshom qegħdin hawn quddiemek biex jixluni, jekk għandhom xi ħaġa kontra tiegħi. 20Ħalli jgħidu dawn stess ta’ xiex sabuni ħati meta dhert quddiem s-Sinedriju! 21Ħaġa waħda jistgħu jgħidu fija: li jien, meta dhert quddiemhom, għajjatt, ‘Minħabba l-qawmien mill-imwiet qegħdin tagħmlu ħaqq minni llum.’ ”#Atti 23,6; 25,15.
22Feliċ, li kellu tagħrif sewwa ħafna dwar it-Triq tal-Mulej, ħalliehom għal darb’ oħra u qalilhom: “Meta jinżel Lisja, il-fizzjal, nara sewwa l-każ tagħkom.” 23Imbagħad qal liċ-ċenturjun biex iżomm lil Pawlu u jagħmillu l-għassa; imma jagħtih ukoll ftit tal-libertà u ma jżomm lil ħadd minn ħbiebu milli jersqu jgħinuh.#Atti 27,3; 28,16-30.
24Ftit jiem wara ġie Feliċ ma’ martu Drusilla#24,24: Drusilla: bint is-sultan Erodi Agrippa 1 (ara 12,1); Feliċ ħadha mingħand żewġha, is-sultan ta’ Emesja., li kienet Lhudija. Bagħat għal Pawlu u qagħad jisimgħu jitkellem fuq il-fidi f’Ġesù Kristu. 25Pawlu beda jiddiskuti miegħu fuq il-ġustizzja, fuq it-trażżin tal-passjonijiet u fuq il-ġudizzju li għad irid jiġi. Feliċ beda jibża’, u qallu: “Għalissa mur; meta nkun nista’, nibgħat għalik.”#Ġw 16,8. 26Fl-istess ħin kien qiegħed jistenna li Pawlu jagħtih xi flus; għalhekk sikwit kien jibgħat għalih u joqgħod jitħaddet miegħu.
27Għaddew sentejn, u Porċjus Festu#24,27: Porċjus Festu: maħtur Gvernatur tal-Lhudija fis-sena 59/60 WK. laħaq flok Feliċ. Imma biex jogħġob lil-Lhud, Feliċ ħalla lil Pawlu fil-ħabs.#Atti 25,9.

Currently Selected:

ATTI TAL-APPOSTLI 24: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in