YouVersion Logo
Search Icon

2 SAMWEL 5

5
Kapitlu 5
David sultan ta’ Iżrael kollu
1Imbagħad it-tribujiet kollha ta’ Iżrael ġew għand David f’Ħebron u qalulu: “Arana, għadmek u laħmek aħna!#1 Kron 11,1-3. 2Fl-imgħoddi, meta Sawl kien sultan fuqna, kont int li kont toħroġ lil Iżrael għall-gwerra u ġġibhom lura, u l-Mulej qallek: ‘Int għad tirgħa l-poplu tiegħi u tkun prinċep fuq Iżrael.’ ”#Dt 17,15; 1 Sam 18,16; 2 Sam 3,10. 3U x-xjuħ kollha ta’ Iżrael ġew għand is-Sultan f’Ħebron u s-sultan David għamel patt magħhom f’Ħebron quddiem il-Mulej; u lil David dilkuh sultan fuq Iżrael.
4Tletin sena kellu David meta sar sultan, u dam isaltan erbgħin sena;#2 Sam 2,11; 1 Slat 2,11; 1 Kron 3,4. 5seba’ snin u sitt xhur fuq Ġuda f’Ħebron; u tlieta u tletin sena f’Ġerusalemm fuq Iżrael kollu u fuq Ġuda.
David jidħol Ġerusalemm
6Is-sultan mar bin-nies tiegħu Ġerusalemm kontra l-Ġebusin, li kienu jgħammru fil-pajjiż. U qalu lil David: “Ma tidħolx hawn! Biżżejjed l-għomja u z-zopop biex ikeċċuk,” fi kliem ieħor: “David ma jidħolx.”#1 Kron 11,4-9.#Ġoż 15,63; Mħ 1,19. 7Imma David ħa f’idejh il-fortizza ta’ Sijon, li hi l-Belt ta’ David#5,7: David ħa f’idejh il-fortizza ta’ Sijon, li hi l-Belt ta’ David: l-Iżraelin ma rnexxilhomx jieħdu Ġerusalemm minn idejn il-Ġebusin, tribù Kangħani, minħabba l-fortizza tagħha msejħa Sijon; ara Mħ 1,21; 19,10-12. David issa rnexxielu jaħtafha f’idejh u għalhekk bdiet tissejjaħ il-Belt ta’ David, proprjetà personali tiegħu; iżda l-isem ta’ Sijon baqa’ ħaj. David għamel minn Ġerusalemm il-belt kapitali tal-amministrazzjoni, ċentru reliġjuż u kulturali. Biż-żmien saret simbolu tal-unità tan-nazzjon ta’ Iżrael.. 8U David dakinnhar kien qal: “Min se jidrob lill-Ġebusi, ħa jitla’ mill-ispiera u jaħbat għaz-zopop u l-għomja, mistmerra minn David?” Għalhekk għadhom jgħidu sal-lum: “Il-bniedem agħma jew zopp ma jidħolx fid-dar.”#Lev 21,18; Mt 21,14-15.
9U David beda jgħammar fil-fortizza u semmieha l-Belt ta’ David. U bena dawramejt magħha minn Millu ’l ġewwa.#1 Slat 3,1; 11,27. 10U David baqa’ dejjem jissaħħaħ u l-Mulej, Alla tal-eżerċti, kien dejjem miegħu.#S 78,70-72; 89; 132,13.
11U Ħiram, sultan ta’ Tir, bagħat messaġġ għand David, u injam taċ-ċedru, mastrudaxxi u naġġara tal-ġebel; u dawn bnew dar għal David.#1 Kron 14,1-16.#1 Slat 5,15.
12U David għaraf li l-Mulej kien wettqu sultan fuq Iżrael, u li għolla saltnatu minħabba l-poplu tiegħu Iżrael.
13Imbagħad David ħa konkubini u nisa oħra minn Ġerusalemm, wara li kien ġie minn Ħebron; u tweldulu aktar subien u bniet.#1 Kron 3,5-8. 14U dawn huma l-ismijiet tal-ulied li twieldu lil David f’Ġerusalemm: Sammugħa u Sobab, Natan u Salamun. 15Ibħar u Elisugħa, Nefeg u Ġafigħa u 16Elisama u Eljada u Elifelet.
David u l-Filistin
17U l-Filistin semgħu li kienu dilku lil David sultan fuq Iżrael kollu; u telgħu lkoll ifittxu lil David; malli David sama’ bihom, niżel fil-fortizza; 18u l-Filistin ġew u xterdu fil-wied ta’ Refajm.
19David stħarreġ lill-Mulej u qal: “Nitla’ kontra l-Filistin? Terħihomli f’idejja?” U l-Mulej wieġeb lil David: “Itla’, għaliex il-Filistin se nerħihom f’idejk.”
20David mar f’Bagħal-perasim; u hemm tahom xebgħa, u mbagħad qal: “Ħarbat il-Mulej l-għedewwa tiegħi, bħalma l-ilma jħarbat kollox quddiemu#5,20: Bħalma l-ilma jħarbat kollox quddiemu: żjieda mat-test oriġinali biex jiċċara s-sens..” Għalhekk il-post semmewh Bagħal-perasim. 21Il-Filistin ħallew hemm l-idoli tal-allat tagħhom, u ġabruhom David u n-nies tiegħu.#1 Sam 4,11.
22Imma l-Filistin reġgħu telgħu u tqassmu fil-wied ta’ Refajm. 23U David stħarreġ lill-Mulej u l-Mulej wieġbu: “Titlax għalihom: dur għal warajhom, u ħudhom minn wara minn biswit is-siġar tal-balzmu. 24Malli tisma’ t-tħaxwix tal-mixi fuq il-qċaċet tas-siġar tal-balzmu ħaffef malajr għaliex dak il-ħin joħroġ il-Mulej quddiemek u jkisser il-kamp tal-Filistin.”#Ġen 3,8; 2 Slat 7,6. 25U David għamel bħalma ordnalu l-Mulej, u ħarbat il-Filistin minn Geba sa ma tasal Geżer.

Currently Selected:

2 SAMWEL 5: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in