YouVersion Logo
Search Icon

2 SLATEN 6

6
Kapitlu 6
Il-ħadida f’wiċċ l-ilma
1Ulied il-profeti qalu lil Eliżew: “Ara, il-post li qegħdin fih miegħek żgħir wisq għalina. 2Ħa mmorru sal-Ġordan, u nieħdu minn hemm zokk kull wieħed, u nibnu hemm post għalina fejn noqogħdu.” U hu weġibhom: “Morru”. 3U wieħed minnhom qallu: “Jekk jogħġbok, ejja mal-qaddejja tiegħek.” U Eliżew wieġeb: “Niġi.”
4U mar magħhom, u waslu sal-Ġordan, u bdew jaqtgħu l-injam. 5Ġara li wieħed minnhom, hu u jqaċċat siġra, waqagħlu l-ħadid tal-mannara fl-ilma, u beda jgħajjat u jgħid: “Ah, sidi, dik isselliftha!” 6U l-bniedem ta’ Alla staqsieh: “Fejn waqgħet?” U wrieh il-post, Eliżew imbagħad qata’ fergħa, u tefagħha hemm, u l-ħadid tala’ fil-wiċċ. 7U qallu: “Erfgħu!” U medd idu u refgħu.
Eliżew u l-Aramin
8Is-sultan ta’ Aram kien qiegħed jitqabad ma’ Iżrael, u ta parir lill-qaddejja tiegħu, u qalilhom: “Nistaħbew fit-tali u t-tali post.”
9U l-bniedem ta’ Alla bagħat jgħid lis-sultan ta’ Iżrael: “Qis li ma tgħaddix minn dak il-post, għax hemm l-Aramin moħbija.” 10U s-sultan ta’ Iżrael bagħat jitkixxef il-post li qallu bih u widdbu l-bniedem ta’ Alla; u qagħad jgħasses hemm mhux darba u tnejn. 11U s-sultan ta’ Aram tħawwad f’qalbu għal din il-ħaġa, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u qalilhom: “Ma tafux tgħiduli min minna hu mas-sultan ta’ Iżrael, hux?” 12U wieħed mill-qaddejja wieġbu: “Ħadd, Sultan sidi! Imma Eliżew, il-profeta li hemm f’Iżrael, jgħarraf lis-sultan ta’ Iżrael bil-kliem li int tgħid fl-għorfa fejn torqod!” 13U qalilhom: “Morru u araw fejn hu, ħa nibgħat naqbdu.” U għarrfuh u qalulu: “Qiegħed f’Dotan.” 14U l-għada filgħodu bagħat żwiemel u karrijiet, u qatgħa kbira ta’ nies armati; u waslu billejl u dawru l-belt.
15U l-qaddej tal-bniedem ta’ Alla qam kmieni filgħodu u ħareġ barra, u ra eżerċtu sħiħ madwar il-belt, u żwiemel u karrijiet. U l-qaddej tiegħu qallu: “Ah! sidi, x’se nagħmlu?” 16U wieġbu: “La tibżax! hemm nies aktar magħna milli magħhom.” 17U Eliżew beda jitlob u jgħid: “Mulej, iftaħlu għajnejh biex jara.” U l-Mulej fetaħ għajnejn il-qaddej, u dan ra l-għolja mimlija żwiemel u karrijiet tan-nar madwar Eliżew.#2 Slat 2,10-12; 7,6; S 68,18. 18Malli l-Aramin resqu lejh, Eliżew talab lill-Mulej u qallu: “Iddew! Olqot lil dawn in-nies u agħmihom.” U laqathom bl-għama skont it-talba ta’ Eliżew.#Ġen 19,11. 19U Eliżew qalilhom: “Mhix din it-triq, lanqas ma hi din il-belt. Ejjew warajja u neħodkom għand ir-raġel li qegħdin tfittxu.” U ħadhom f’Samarija.
20U ġara li malli waslu s-Samarija Eliżew qal lill-Mulej: “Iftħilhom għajnejhom ħalli jaraw.” U l-Mulej fetħilhom għajnejhom, u raw li kienu f’nofs is-Samarija. 21U malli rahom is-sultan ta’ Iżrael qal lil Eliżew: “Nidrobhom, missier, nidrobhom?” 22U hu wieġbu: “La tidrobhomx! Tidrob int lil dawk li ma qbadtx bix-xabla, jew bil-qaws tiegħek? Ġibilhom quddiemhom ħobż u ilma ħa jieklu u jixorbu, u jmorru għand sidhom.” 23U ħejjielhom ikla kbira, kielu u xorbu; u mbagħad bagħathom u marru għand sidhom. U l-qtajja’ tal-Aramin ma resqux iżjed lejn art Iżrael.
Il-ħelsien tas-Samarija
24Wara dan ġara li Benħadad, sultan ta’ Aram, ġabar l-eżerċtu kollu tiegħu, u tala’ u dawwar lis-Samarija. 25U waqa’ ġuħ kbir fuq is-Samarija; u l-assedju tant dam li ras ta’ ħmar saret tiswa tmenin xekel tal-fidda, u r-raba’ waħda ta’ kâb#6,25: Kâb: kejl għas-solidi u għal-likwidi jiswa 1.20 litru. ħmieġ tal-ħamiem ħames xwiekel tal-fidda. 26U s-sultan ta’ Iżrael kien għaddej fuq il-ħitan, u mara bdiet tgħajjatlu: “Għajnuna, sidi s-sultan!” 27U hu weġibha: “Jekk ma jgħinekx il-Mulej, biex nista’ ngħinek jien? Mill-qiegħa jew mill-magħsar?” 28U żied jistaqsieha s-sultan: “X’għandek int?” U l-mara qaltlu: “Din il-mara qaltli: ‘Agħtini lil ibnek, u nikluh illum; u lil ibni nikluh għada.’#Dt 28,53-57. 29U sajjarna lil ibni, u kilnieh. U l-għada għedtilha: ‘Agħtini lil ibnek, u nikluh’, imma hi lil binha ħbietu.” 30Malli s-sultan sama’ kliem il-mara ċarrat ħwejġu kif kien fuq il-ħajt, u l-poplu kollu ra li kellu xkora minn ġewwa fuq il-laħam.#1 Slat 20,31; 21,27. 31U qalilhom: “Dan jagħmilli l-Mulej u iżjed, jekk illum ras Eliżew bin Safat tibqa’ fuqu.”#Rt 1,17.
32U Eliżew kien qiegħed f’daru, u x-xjuħ kienu miegħu, u s-sultan bagħat raġel minn għandu. Imma qabel ma wasal għandu l-messaġġier, Eliżew qal lix-xjuħ: “Qegħdin taraw? Dan l-iben ta’ qattiel bagħat ineħħili rasi. Oqogħdu għassa! Malli jasal il-messaġġier agħlqu l-bieb u żommuh fil-bieb. M’intomx tisimgħu ħoss il-passi ta’ sidu warajh?” 33Kien għadu jkellimhom, u hemm hu s-sultan, nieżel ħdejh. U qallu: “Ara, din il-ħsara kollha mingħand il-Mulej. X’nistenna aktar mingħand il-Mulej?”

Currently Selected:

2 SLATEN 6: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in