YouVersion Logo
Search Icon

2 KORINTIN 9

9
Kapitlu 9
L-offerta għall-insara
1Dwar l-għajnuna li għandkom tagħtu lill-qaddisin, kollu żejjed li niktbilkom.#2 Kor 8,4-20. 2Naf ir-rieda tajba tagħkom. U jien ftaħart bikom quddiem in-nies tal-Maċedonja u għedt: “In-nies tal-Akaja jinsabu lesti mis-sena l-oħra”; u l-ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna minnhom. 3Madankollu jien bgħatt lill-aħwa, biex il-ftaħir tagħna bikom ma jisfax fix-xejn f’din il-ħaġa sabiex, kif għedtilkom, tkunu lesti, 4u hekk ma jmurx jiġri li jiġu xi Maċedonin miegħi u jsibukom m’intomx lesti, u ġġegħluna nistħu, biex ma ngħidx intom, minn din il-fiduċja tagħna fikom. 5Għalhekk aħna ħassejna l-bżonn li nitolbu lil dawn l-aħwa biex jiġu għandkom qabilna u jlestu l-offerta li kontu wegħedtu qabel; u hekk din tkun lesta, mhux bħala ħaġa bilfors, imma bħala ħaġa ħierġa mill-qalb.
6Jien dan ngħid: min jiżra’ ftit, jaħsad ftit; u min jiżra’ ħafna, jaħsad ħafna.#Prov 11,24; 22,9. 7Kull wieħed għandu jagħti skont ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ. 8Alla mbagħad għandu l-ħila jfawwarkom b’kull xorta ta’ barka, hekk li dejjem u f’kollox ikollkom kulma hu biżżejjed għalikom, u jibqgħalkom ukoll għal kull opra tajba. 9Bħalma hu miktub:
“Huwa qassam bil-kotra u ta lill-fqar;
il-ġustizzja tiegħu tibqa’ għal dejjem.” # S 112,9.
10Dak li, lil min jiżra’ jagħtih iż-żerriegħa u l-ħobż għall-ikel, jagħti u jkattar iż-żerriegħa lilkom ukoll, u jżid il-frott tal-ġustizzja tagħkom.#Is 55,10. 11U intom tistagħnu b’kull ġid, ħalli turu kull xorta ta’ ġenerożità li biha, permezz tagħna, jitla’ innu ta’ radd il-ħajr quddiem Alla.#2 Kor 1,11; 4,15. 12Għaliex il-ministeru ta’ dan is-servizz mhux biss itaffi l-bżonnijiet tal-qaddisin, imma wkoll inissel kotra ta’ radd il-ħajr lil Alla;#2 Kor 8,14. 13dan il-ministeru juri x’intom, u huma jagħtu glorja lil Alla minħabba l-ubbidjenza tagħkom għall-Evanġelju ta’ Kristu u tal-ġenerożità tal-għotja tagħkom lilhom u lil kulħadd; 14u t-talb tagħhom għalikom juri l-imħabba kbira li għandhom għalikom minħabba l-grazzja bla qjies ta’ Alla għalikom. 15Ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem.

Currently Selected:

2 KORINTIN 9: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in