YouVersion Logo
Search Icon

1 TESSALONIKIN 4

4
Kapitlu 4
Il-ħajja li jrid Alla
1Fl-aħħar, l-aħwa, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed.#2 Tess 3,6. 2Tafu x’tagħlim tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù. 3Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żina,#1 Tess 5,23; Lhud 10,10; 1 Pt 1,16. 4u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-qdusija u l-ġieħ#4,4: Iżomm ’il ġismu fil-qdusija u l-ġieħ: jew: kull wieħed minnkom iżomm ’il martu fil-qdusija u l-ġieħ.,#1 Kor 6,15. 5u ma jħallix il-passjoni tegħlbu bħall-pagani li ma jagħrfux lil Alla.#S 79,5; Ġer 10,25. 6F’din il-ħaġa ħadd ma għandu jagħmel tort jew ħsara lil ħuh, għax il-Mulej jaf jitħallas ta’ dan kollu, kif ġa għednielkom qabel u tajniekom xhieda.#S 94,1; Sir 5,3. 7Għax Alla ma sejħilniex biex ngħixu fiż-żina, imma fil-qdusija.#1 Pt 1,15-16. 8Għalhekk min iwarrab dan it-tagħlim, ikun iwarrab mhux lill-bniedem, iżda lil Alla li takom l-Ispirtu qaddis tiegħu.#Eżek 36,27; Lq 10,16; Rum 5,5; 2 Kor 1,22; Gal 4,6; 1 Ġw 3,24.
9Fuq l-imħabba tal-aħwa ma għandniex għalfejn niktbulkom; intom stess tgħallimtu mingħand Alla kif għandkom tħobbu lil xulxin.#Ġw 13,14. 10U dan intom qegħdin tagħmluh mal-aħwa kollha li jinsabu fil-Maċedonja#4,10: Il-Maċedonja: provinċja Rumana fit-Tramuntana tal-Greċja ta’ llum; ara 2 Kor 1,16. kollha. Inħeġġukom, ħuti, li tagħmlu iktar minn hekk.#2 Tess 3,4. 11Fittxu li tgħixu fil-kwiet, kulħadd jagħmel li għandu jagħmel u taħdmu b’idejkom, kif ġa għednielkom.#2 Tess 3,8-12. 12Hekk intom timxu kif jixraq quddiem il-barranin, u ma jkollkom bżonn ħadd.#1 Kor 5,12-13.
Il-miġja tal-Mulej
13Ma rridux li ma tkunux tafu, l-aħwa, fuq il-mejtin#4,13: Fuq il-mejtin: jew: dawk li raqdu. L-irqad f’moħħ Ġesù u l-Appostli ma kienx xbieha sempliċi tal-mewt, imma kważi ħaġa reali minħabba l-Qawmien mill-imwiet. biex ma ssewdux qalbkom bħall-oħrajn li ma għandhomx tama.#Ef 2,12. 14Jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll Alla jiġbor miegħu lil dawk li raqdu f’Ġesù.#Rum 14,9; 1 Kor 15,3-4.
15Dan ngħidulkom fuq il-kelma tal-Mulej, jiġifieri li aħna li nkunu għadna hawn ħajjin għall-miġja tal-Mulej, ma mmorrux qabel dawk li jkunu raqdu.#1 Kor 15,51. 16Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen tal-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu fi Kristu jqumu l-ewwel.#1 Kor 15,52; 1 Tess 1,10; 2 Tess 1,7. 17Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. Hekk inkunu dejjem mal-Mulej.#Ġw 12,26; 17,24. 18Agħmlu l-qalb lil xulxin b’dan il-kliem.

Currently Selected:

1 TESSALONIKIN 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in