YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 30

30
Kapitlu 30
David u l-Għamalekin
1Meta David u n-nies tiegħu waslu f’ Siklag fit-tielet jum, Għamalek kienu daħlu fin-Negeb u f’Siklag, u ħabtu għal Siklag u tawha n-nar.#1 Sam 27,6; 1 Kron 12,21. 2U ħadu lsiera n-nisa li kienu fiha, kbar u żgħar, bla ma qatlu lil ħadd minnhom; ġarrewhom magħhom u baqgħu sejrin għal triqthom.
3U David u n-nies tiegħu waslu l-belt u sabuha ħuġġieġa nar, u n-nisa tagħhom u wliedhom, subien u bniet, meħuda lsiera.
4U David u n-nies tiegħu għollew leħenhom u bkew, sakemm ma felħux jibku aktar. 5Iż-żewġ nisa ta’ David - Aħinogħam il-Ġiżragħelija u Abigajl mart Nabal, il-Karmeli - kienu waqgħu lsiera.#1 Sam 25,42; 27,3; 30,5. 6David sab ruħu f’diqa kbira għax il-poplu qal li jrid iħaġġru; għax ilkoll kellhom qalbhom sewda bl-imrar, kull wieħed għas-subien u għall-bniet tiegħu. Imma David qawwa qalbu fil-Mulej, Alla tiegħu. 7U David qal lil Abjatar, il-qassis, bin Aħimelek: “Ġibli l-efod.” U Abjatar ġieb l-efod lil David.#Eż 28,30; 1 Sam 2,28; 23,6. 8U David staqsa lill-Mulej u qal: “Nitlaq għal wara din il-qatgħa ħallelin? Nilħaqhom?” U wieġbu: “Itlaq għal warajhom, għax tilħaqhom żgur, u teħles lil kulħadd.” 9U David telaq, hu u sitt mitt raġel li kienu miegħu, u waslu sal-wied ta’ Besor, u waqfu hemm għax kienu għajjenin. 10U David baqa’ sejjer b’erba’ mitt raġel; u l-mitejn l-oħra, li kienu għajjenin u ma setgħux jaqsmu l-wied ta’ Besor, baqgħu hemm.
11U sabu raġel Eġizzjan fir-raba’, u ħaduh quddiem David, u tawh ħobż x’jiekol u kiel, u ilma x’jixrob. 12Tawh ukoll ċappa tin imqadded u żewġ għenieqed żbib; kiel u ħa r-ruħ; għax kien ilu ma jiekol ħobż u jixrob ilma tlitt ijiem u tlitt iljieli. 13U David qallu: “Ta’ min int? Mnejn ġej?” U dak wieġbu: “Jien żagħżugħ Eġizzjan, ilsir ta’ wieħed minn Għamalek, abbandunat minn sidi għax imradt tlitt ijiem ilu. 14Aħna dħalna fin-Negeb tal-Keretin u ta’ art Ġuda, u n-Negeb ta’ Kaleb, u ’l Siklag tajnieha n-nar.”#1 Sam 27,10; Eżek 25,16. 15U David qallu: “Tista’ twassalni ħdejn din il-qabda nies?” U dak wieġbu: “Aħlifli b’Alla li ma toqtolnix, u li ma terħinix f’idejn sidi, u nwasslek sa ħdejn din il-qabda nies.” 16U wasslu u raw lill-Għamalekin imxerrda ma’ wiċċ l-art, jieklu u jixorbu u jagħmlu festa b’dik il-priża kbira li kienu qabdu mill-art tal-Filistin u mill-art ta’ Ġuda.#Ġoż 6,17; Mħ 7,12; 1 Sam 15,3. 17U David qabeż fuqhom u tahom xebgħa minn tbexbix il-jum sal-għada filgħaxija, u ma ħelisha ebda wieħed minnhom, ħlief erba’ mitt żgħażagħ li rikbu l-iġmla u ħarbu. 18B’hekk David ħadilhom lura kulma kienu qabdu l-Għamalekin, u ħeles ukoll iż-żewġ nisa tiegħu. 19U ma ħallielhom xejn, mill-kbir saż-żgħir, bniet u subien, il-priża u kulma kienu ħadu għalihom: kollox ħadilhom lura David. 20Ħadu l-imrieħel u l-baqar kollha u saquhom quddiem u qalu: “Din hi l-priża ta’ David.”
21Imbagħad David mar ħdejn dawk il-mitejn raġel li ma kinux felħu jmorru warajh, u li kien ħalliehom fil-wied ta’ Besor. Huma ħarġu jilqgħu lil David u n-nies li kellu miegħu. David resaq lejhom u sellmilhom.
22Imma xi wħud minn dawk li marru ma’ David, nies ħżiena u mill-agħar, qabżu u qalu: “La darba dawn ma ġewx magħna, ma nagħtuhom xejn mill-priża li ħadna lura; kull wieħed jieħu ’l martu u lil uliedu, u jitilqu.” 23Imma David wieġeb: “Dan ma tagħmluh qatt, ħuti, meta tqisu x’tana l-Mulej, li ħarisna u tana f’idejna dik il-qabda ħallelin li ġew għalina. 24U min se jisma’ minnkom f’ħaġa bħal din? Sehem wieħed jieħdu, sew dawk li niżlu għall-ġlied u sew dawk li qagħdu jgħassu ma’ ħwejjiġna.”#1 Sam 17,22; 25,13. 25U minn dakinhar ’il quddiem din għamilha liġi u drawwa għal Iżrael sal-lum.#Num 31,27. 26U David ġie f’Siklag u bagħat sehem mill-priża lix-xjuħ ta’ Ġuda u lil ħbiebu u qalilhom: “Dan hu r-rigal għalikom mill-priża tal-għedewwa tal-Mulej.”
27U bagħat lil dawk ta’ Betel, lil dawk ta’ Ramot-negeb, lil dawk ta’ Ġattir,#Ġoż 15,19. 28lil dawk ta’ Għarogħer, lil dawk ta’ Xifmot, lil dawk ta’ Estemugħa, 29lil dawk ta’ Rakal, u lil dawk tal-ibliet tal-Ġeraħmelin, u lil dawk tal-ibliet tal-Kenin,#1 Sam 27,10; 2 Sam 1,1-16; 1 Kron 10,1-12. 30lil dawk ta’ Ħorma, lil dawk ta’ Bur-għasan, u lil dawk ta’ Għatak, 31u lil dawk ta’ Ħebron, u lil dawk l-imkejjen kollha li David kien għadda minnhom, hu u n-nies tiegħu.

Currently Selected:

1 SAMWEL 30: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in