YouVersion Logo
Search Icon

1 SAMWEL 14

14
Kapitlu 14
1Jum minnhom Ġonatan bin Sawl qal lill-iskudier żagħżugħ tiegħu: “Ejja naqsmu għal kontra l-għassa tal-Filistin li qegħdin in-naħa l-oħra”; u ’l missieru ma qallux.#1 Sam 13,3. 2Sawl kien taħt ir-rummiena ta’ Migron fit-trufijiet ta’ Gibgħa, u n-nies li kienu miegħu kienu jlaħħqu mas-sitt mitt ruħ. 3U Aħija bin Aħitub, ħu Ikabod, bin Fineħas, bin Għeli, il-qassis tal-Mulej f’Silo, kellu fuqu l-efod, u l-poplu ma kienx jaf li Ġonatan kien telaq.#1 Sam 2,28; 4,21; 23,9; 30,7.
4U bejn il-mogħdijiet, li kien qiegħed ifittex Ġonatan li jgħaddi minnhom lejn l-għassa tal-Filistin, kien hemm blata wieqfa fuq naħa, u blata oħra wieqfa fuq in-naħa l-oħra; u blata minnhom kien jisimha Buses, u isem l-oħra kien Seni. 5Il-blata l-waħda kienet in-naħa tat-Tramuntana biswit Mikmas, u l-blata l-oħra n-naħa tan-Nofsinhar biswit Gibgħa.
6Ġonatan qal lill-iskudier żagħżugħ tiegħu: “Ejja naqsmu għal ħdejn l-għassa ta’ dawn in-nies bla ħtin. Għandu mnejn il-Mulej jagħmel xi ħaġa għalina, għax m’hemmx xi jżomm il-Mulej, jekk irid, li jsalvana b’ħafna jew bi ftit nies.”#Mħ 7,4-7; 1 Sam 17,26; Sir 39,18; 1 Mak 3,19. 7U l-iskudier wieġbu: “Agħmel kulma tixtieq qalbek. Hawn jien miegħek; qalbek qalbi.” 8U Ġonatan wieġeb: “Arana, aħna sejrin lejn dawn in-nies, u nuru ruħna lilhom. 9Issa jekk jgħidulna: ‘Ieqfu hemm sakemm niġu ħdejkom,’ nieqfu fejn inkunu, u ma nitilgħux għalihom. 10Imma jekk jgħidulna: ‘Itilgħu ħdejna,’ nitilgħu, għax il-Mulej ikun erħihomlna f’idejna. Dan hu s-sinjal għalina.”
11It-tnejn dehru quddiem l-għases tal-Filistin, u l-Filistin qalu: “Araw l-Għebrej ħerġin mill-ħofor li nħbew fihom.”#1 Sam 13,6. 12Imbagħad in-nies tal-għassa kellmu lil Ġonatan u ’l-iskudier tiegħu u qalulhom: “Itilgħu ħdejna, għax għandna ħaġa x’ngħidulkom.” U Ġonatan qal lill-iskudier tiegħu: “Itla’ warajja, għax il-Mulej tahom f’idejn Iżrael.” 13U Ġonatan tala’ fuq idejh u fuq riġlejh, u l-iskudier tiegħu warajh. U l-Filistin bdew jaqgħu fl-art quddiem Ġonatan, u l-iskudier joqtolhom warajh. 14Din l-ewwel qerda minn Ġonatan u l-iskudier tiegħu kienet ta’ xi għoxrin raġel minnhom, f’tul ta’ nofs radda ħrit f’nofs tomna raba’. 15U l-biża’ xtered mal-kamp, fir-raba’ u fil-poplu kollu. In-nies tal-għassa u l-qtajja’ li ħarġu jħarbtu l-art, tkexkxu huma wkoll, u triegħdet l-art, u ntilfu f’biża’ kbir.#1 Sam 11,7; 13,16-17.
It-tħarbit tal-Filistin
16U l-għassiesa ta’ Sawl li kienu f’Gibgħa ta’ Benjamin raw dik il-kotra mxerrda sejra ’l hemm u ’l hawn. 17U Sawl qal lin-nies li kellu miegħu: “Għoddu n-nies u araw min naqas minn magħna.” U raw li kienu nieqsa Ġonatan u l-iskudier tiegħu. 18U Sawl qal lil Aħija: “Ġib l-efod#14,18: Efod: bih kienu jikkonsultaw il-Mulej; ara 2,28.” (għax dakinhar l-efod kien f’nofs ulied Iżrael).#1 Sam 2,28. 19Waqt li Sawl kien qiegħed ikellem lill-qassis, l-għagħa fil-kamp tal-Filistin baqgħet sejra titqawwa, u Sawl qal lill-qassis: “Niżżel idek.” 20U Sawl u n-nies li kellu miegħu b’għajta kbira rħewlha għat-taqbida, u sabu taħwida kbira, kulħadd bix-xwabel wieħed kontra l-ieħor.#Mħ 7,22. 21U l-Għebrej, li qabel kienu mal-Filistin u li kienu magħhom fil-kamp, daru kontrihom u mal-Iżraelin li kienu ma’ Sawl u Ġonatan.#1 Sam 13,6; 29,4. 22U dawk l-Iżraelin li kienu moħbija fil-muntanji ta’ Efrajm, malli semgħu li l-Filistin kienu ħarbu, għamlu għal warajhom u rassew fuqhom huma wkoll.
23Hekk il-Mulej dakinhar ħeles lil Iżrael.
Ġonatan jikser il-wegħda ta’ Sawl
It-taqbida laħqet sa Bet-awen#14,23: Bet-awen: xi awturi jaqraw Betħoron skont it-traduzzjoni Griega tas-Sebgħin.; 24u dakinhar l-Iżraelin infnew u Sawl ġagħal lill-poplu jaħlef u qallu: “Misħut il-bniedem li jiekol xi ikel qabel ma jidlam u nitħallas mill-għedewwa tiegħi.” U ħadd ma kiel xejn. 25U kien hemm ħafna għasel fir-raba’. 26Meta l-poplu wasal fil-foresta ra l-għasel iqattar, imma ħadd minnhom ma ressaq idu lejn ħalqu, għax il-poplu baża’ mill-ħalfa.
27Ġonatan ma kienx sama’ bil-ħalfa li missieru ġagħal lill-poplu jagħmel, u medd it-tarf tal-ħatar li kellu f’idu, u deffsu f’xehda għasel, u ressaq idu lejn ħalqu, u għajnejh ħadu d-dawl. 28U wieħed mill-poplu kellmu u qallu: “Missierek ġagħal lill-poplu jaħlef u qallu: ‘Misħut il-bniedem li jiekol xi ħaġa llum.’ ” Issa l-poplu kien mifni. 29U Ġonatan qal: “Missieri għamel il-ħsara lill-pajjiż. Araw kif ħadu d-dawl għajnejja, għax doqt dan id-daqsxejn għasel. 30Kemm aktar kieku l-poplu kiel mill-priża li sab tal-għedewwa llum! Kemm kienet tkun akbar il-qerda tal-Filistin!”
31Dakinhar huma kissru l-Filistin minn Mikmas sa Ajjalon, imma l-poplu għeja għall-aħħar.#Ġoż 10,10-12. 32U nxteħtu fuq il-priża, u ħadu nagħaġ, u baqar, u għoġiela, u qatluhom fl-art, u l-poplu kiel il-laħam bid-demm.”#Lev 1,5; 3,17; 7,26-27; 17,10-14; 1 Sam 15,19; Atti 15,20. 33U lil Sawl qalulu: “Ara, il-poplu dineb kontra l-Mulej għax kiel il-laħam bid-demm.” U Sawl wieġeb: “Għamiltu ħażin. Ġibuli ġebla kbira llum.” 34U raġa’ qal Sawl: “Morru fost il-poplu u għidulhom: ‘Ġibu lejja kull wieħed il-gendus u kull wieħed in-nagħġa tiegħu, u oqtluhom hawn, u tiklux bid-demm#14,34: Tiklux bid-demm: il-Lhud kellhom projbizzjoni li jieklu laħam bid-demm billi kienu jemmnu li fid-demm kien hemm il-ħajja; ara Ġen 9,4; Lev 7,26-27; 17,10-14 eċċ. Biex jieklu l-annimali maqtula kienu qabel xejn jiskarnawhom u jqattru demmhom. biex ma tidinbux kontra l-Mulej.’ ” U l-poplu ressaqlu kull wieħed kulma ġie f’idejh dak il-lejl, u qatluhom hemm.
35U Sawl bena artal lill-Mulej; l-ewwel artal li bena lill-Mulej.#Mħ 6,24; 1 Sam 7,17.
36U Sawl qal: “Ħalli ninżlu għal wara l-Filistin mal-lejl, u naħtfu priża kemm nifilħu sa ma jisbaħ għada, u ma nħallux bniedem wieħed ħaj minnhom.” U weġbuh: “Kulma jogħġbok nagħmluh!” Imma l-qassis qallu: “Ħa nersqu quddiem Alla.” 37U Sawl staqsa lil Alla: “Ninżel jien għal wara l-Filistin? Titlaqhom int f’idejn l-Iżraelin?” U dakinhar Alla ma weġbux.#1 Sam 28,6. 38U Sawl qal: “Ersqu ’l hawn intom ilkoll, il-kapijiet tal-poplu; u tkixxfu, u araw b’min saret din il-ħtija llum. 39Għax daqs kemm hu ħaj il-Mulej, is-salvatur ta’ Iżrael, imqar jekk il-ħtija tkun f’ibni Ġonatan, żgur li noqtlu.” U ħadd mill-poplu ma wieġeb xejn. 40Imbagħad qal lil Iżrael kollu: “Intom oqogħdu f’naħa, u jien u ibni Ġonatan noqogħdu f’oħra.” U l-poplu wieġeb lil Sawl: “Agħmel li jogħġbok.”#Ġoż 7,13-15. 41U Sawl qal lill-Mulej Alla ta’ Iżrael: “Għaliex ma weġibtx lill-qaddej tiegħek illum, u ma għedtlix jekk din il-ħtija hijiex fija jew f’ibni Ġonatan? O Mulej, Alla ta’ Iżrael, jekk inhi fija jew f’Ġonatan agħti t-Tummim#14,41: O Mulej, Alla ta’ Iżrael … Tummim: dan il-kliem ma nsibuhx fit-test Lhudi, imma fit-tradizzjoni Griega tas-Sebgħin. Għal Urim u tummim ara Eż 28,30; Dt 33,8..” U ntgħażlu Ġonatan u Sawl; u l-poplu ħareġ ħieles.#Eż 28,30; Dt 33,8; 1 Sam 28,6. 42Imbagħad Sawl qal “Itfgħu x-xorti bejni u bejn Ġonatan.” U ntgħażel Ġonatan. 43U Sawl qal lil Ġonatan: “Għidli x’għamilt.” U Ġonatan għarrfu u qallu: “Doqt b’tarf il-ħatar li kelli f’idi daqsxejn għasel. Hawn jien lest għall-mewt.” 44U Sawl qal: “Dan jagħmilli u aktar il-Mulej; Ġonatan, tmut żgur.”#Rt 1,17; 1 Sam 3,17. 45U l-poplu wieġeb lil Sawl: “Sa jmut Ġonatan li ġieb din ir-rebħa kbira għal Iżrael? Ma jkun qatt. Daqs kemm hu ħaj il-Mulej, ma taqax xagħra waħda minn rasu fl-art; għax il-Mulej kien miegħu biex għamel dan illum.” U l-poplu salva lil Ġonatan, u dan ma mietx.#2 Sam 14,11; 1 Slat 1,52. 46U Sawl ma baqax jiġri wara l-Filistin, għax dawn laħqu reġgħu lura lejn darhom.
Ir-rebħ ta’ Sawl u daru
47Sawl ħa s-saltna ta’ Iżrael f’idejh u għamel gwerra lill-għedewwa tiegħu kollha ta’ madwaru: lil Mowab, lil ulied Għammon, lil Edom, lis-slaten ta’ Soba, lill-Filistin, u għal kull fejn kien idur kien jirbaħ.#2 Sam 1,22; 8,2-5; 10,6-7. 48Wera ħila billi kisser lil Għamalek u ħeles lil Iżrael minn id dawk li kienu jisirquhom.#1 Sam 15.
49Ulied Sawl kienu: Ġonatan, Ġiswi, u Malkisugħa u żewġt ibniet li kien jisimhom: il-kbira, Merab, u ż-żgħira, Mikal.#1 Sam 18,17-18; 31,2; 1 Kron 8,33; 9,39; 10,2. 50Mart Sawl kien jisimha Aħinogħam bint Aħimagħas; u l-kmandant tal-eżerċitu tiegħu kien jismu Abner bin Ner, iz-ziju ta’ Sawl. 51Kis, missier Sawl, u Ner, missier Abner, kienu wlied Abijel.#1 Sam 9,1.
52Qalila kienet il-gwerra kontra l-Filistin iż-żmien kollu tas-saltna ta’ Sawl; kull raġel qalbieni u kull raġel b’saħħtu li kien jara, Sawl kien iqabbdu miegħu.

Currently Selected:

1 SAMWEL 14: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in