YouVersion Logo
Search Icon

1 KORINTIN 4

4
Kapitlu 4
Il-ministeru tal-Appostli
1In-nies għandhom iħarsu lejna bħala ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla. 2Issa barra minn dan, l-amministraturi wieħed jistenniehom li jkunu fidili.#Lq 12,42. 3Iżda ngħid għalija, ftit li xejn jimpurtani li nkun iġġudikat minnkom jew minn xi tribunal tal-bnedmin; anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. 4Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b’daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani.#S 143,2. 5Għalhekk tiġġudikawx qabel il-waqt sa ma jiġi l-Mulej: hu għad joħroġ għad-dawl dak li hu moħbi fid-dlam, u jikxef il-fehmiet mistura tal-qlub. U mbagħad kull wieħed jieħu mingħand Alla t-tifħir li jkun jistħoqqlu.#1 Kor 3,8.
6Dan kollu, l-aħwa, għidtu għalija u għal Apollo minħabba fikom, biex minna intom titgħallmu x’jiġifieri: “Mhux iktar milli hemm miktub”, ħalli ħadd minnkom ma jintefaħ b’wieħed kontra l-ieħor.#Rum 12,3. 7Int, min hu li għażlek? X’għandek li ma ngħatalikx? U jekk ingħatalek, l-għala tiftaħar bħallikieku ma ngħatalek xejn?#Rum 12,6. 8Intom ġa mxebbgħin! Intom ġa stagħnejtu! Issaltnu mingħajrna! Jalla ssaltnu ħa nsaltnu aħna wkoll magħkom.#Apk 3,17-21. 9Jien naħseb li lilna l-appostli Alla xeħitna għall-aħħar wara kulħadd bħallikieku telaqna għall-mewt; għax sirna spettaklu għad-dinja, għall-anġli u għall-bnedmin.#Rum 8,36; Lhud 10,33. 10Aħna boloh minħabba fi Kristu, intom għaqlin fi Kristu; aħna dgħajfa, u intom qawwija; intom nies tal-ġieħ, aħna bla ġieħ.#1 Kor 3,18. 11Sa issa stess aħna bil-ġuħ u bil-għatx, bilkemm imlibbsa; imsawta u bla dar;#2 Kor 11,23-27. 12ninkeddu u naħdmu b’idejna stess. Iżebilħuna, u nbierku; jaħqruna, u nistabru;#S 109,28; Mt 5,44; Lq 6,28; Atti 7,60; 18,3; 20,34; Rum 12,14; 1 Kor 9,14-15; 1 Tess 2,9; 2 Tess 3,8. 13jgħidu fuqna, u nwieġbu bil-ħlewwa. Sirna qisna l-knis tad-dinja, ir-rimi ta’ kulħadd sal-lum.#Lam 3,45.
14M’iniex nikteb dan biex inħammrilkom wiċċkom, imma biex inwiddibkom, bħal uliedi għeżież. 15Għax jekk għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu#4,15: Għalliema fi Kristu: litteralment pedagogi. Il-pedagogu kien l-ilsir li kien jieħu ħsieb it-tfal ta’ sidu u jżommhom iddixxiplinati., ma għandkomx ħafna missirijiet; għax jiena hu li, bl-Evanġelju, nissiltkom fi Kristu Ġesù.#Gal 4,19. 16Bil-qawwa kollha nitlobkom: ixbhu lili.#1 Kor 11,1; Fil 3,17; 1 Tess 1,6. 17Għalhekk bgħattilkom lil Timotju, ibni l-għażiż u fidil fil-Mulej; huwa jfakkarkom fl-imġiba tiegħi fi Kristu Ġesù kif ngħallem f’kull Knisja kullimkien.#Atti 19,22; Fil 2,19-22. 18Xi wħud tkabbru, bħallikieku m’iniex ġej għandkom. 19Imma ma ndumx ma niġi, jekk il-Mulej irid, u nkun naf mhux it-tpaċpiċ tagħhom, iżda x’qawwa għandhom dawn l-imkabbrin#4,19: X’qawwa għandhom dawn l-imkabbrin: traduzzjoni oħra x’inhuma jagħmlu dawn l-imkabbrin..#Atti 18,21; Ġak 4,15. 20Għax is-Saltna ta’ Alla mhijiex fit-tpaċpiċ, imma fil-qawwa#4,20: Imma fil-qawwa: traduzzjoni oħra fl-għemil..#1 Kor 2,4. 21Xi tridu? Niġi għandkom bil-bastun, jew bl-imħabba u bl-ispirtu tal-ħlewwa?

Currently Selected:

1 KORINTIN 4: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in