YouVersion Logo
Search Icon

1 KORINTIN 14

14
Kapitlu 14
Id-doni tal-ilsna u l-profezija
1Fittxu l-imħabba; ixxennqu wkoll għad-doni tal-Ispirtu, l-aktar għad-don tal-profezija#14,1: Għad-don tal-profezija: ara Ef 2,20..#1 Kor 12,31. 2Għax min jitkellem bl-ilsna ma jkunx jitkellem mal-bnedmin, iżda ma’ Alla; lil dan ħadd ma jifhmu, għaliex ikun qiegħed jitkellem bl-Ispirtu fuq misteri. 3Imma dak li jipprofetizza jkun jitkellem mal-bnedmin, biex jibni u jħeġġeġ u jqawwi l-qalb. 4Min jitkellem bl-ilsna, lilu nnifsu jkun jibni; iżda min jipprofetizza jkun qed jibni l-Knisja. 5Ilkoll kemm intom nixtieqkom titkellmu bl-ilsna, iżda aktar irridkom tipprofetizzaw; għax min jipprofetizza jiswa aktar minn min jitkellem bl-ilsna, jekk xi ħadd ma jfissirx x’ikun qiegħed jgħid, ħalli tinbena l-Knisja.#Num 11,29.
6Issa, l-aħwa, kieku jiena kelli niġi fostkom nitkellem bl-ilsna, x’ikun jiswielkom jekk il-kliem li ngħidilkom ma jkunx fih xi rivelazzjoni jew għerf, jew profezija, jew tagħlim? 7L-istess bħal fl-istrumenti tad-daqq bla ħajja, flawt jew ċetra; kieku dawn ma jagħtux ilħna li jingħażlu minn xulxin, kif jista’ wieħed jagħraf x’inhu jindaqq bil-flawt jew x’inhu jindaqq biċ-ċetra? 8U jekk it-trumbetta tagħti leħen li ma tagħrafx x’inhu, min iħejji ruħu għat-taqbida? 9Hekk ukoll intom: jekk bi lsienkom ma tlissnux kliem li jinftiehem, kif jista’ wieħed jifhem xi tkunu tgħidu? Tkunu qegħdin titkellmu fl-ajru. 10Hemm bosta ilħna fid-dinja, u ebda wieħed minnhom ma hu bla sens. 11Imma jekk jiena ma nagħrafx is-sens tal-leħen, inkun barrani għal min jitkellem#14,11: Inkun barrani għal min jitkellem: litteralment tkun barbaru; barbaros, bil-Grieg, tfisser kull min ma kienx jifhem jew jitkellem il-Grieg., u min jitkellem ikun barrani għalija. 12Hekk ukoll intom, ladarba intom imxennqin għad-doni spiritwali, fittxu li timtlew sewwa bihom, imma dejjem għall-bini tal-Knisja.
13Għalhekk, min jitkellem bl-ilsna għandu jitlob id-don tat-tifsir. 14Għax jekk jiena nitlob bl-ilsna, l-ispirtu tiegħi jkun jitlob, imma moħħi jibqa’ bla frott. 15X’nagħmel mela? Nitlob bl-ispirtu; imma nitlob b’moħħi wkoll. Inkanta s-salmi bl-ispirtu; imma nkanta b’moħħi wkoll.#Ef 5,19. 16Jekk inti tfaħħar bl-ispirtu, kif jista’ wieħed li ma għandux din il-grazzja jgħid “Ammen” għal radd il-ħajr tiegħek meta ma jafx x’inti tgħid? 17Inti tkun trodd il-ħajr sewwa, imma l-ieħor ma jedifikax ruħu. 18Niżżi ħajr lil Alla li jien nitkellem bl-ilsna aktar minnkom ilkoll; 19imma fil-ġemgħa tal-Knisja aktar irrid ħames kelmiet b’moħħi li jinftiehmu biex ngħallem lill-oħrajn, milli għaxart elef bl-ilsna.
20L-aħwa, tkunux bħat-tfal fi ħsiebkom; kunu tfal fil-ħażen, imma nkunu rġiel magħmula fi ħsibijietkom.#Ef 4,14; Fil 3,15. 21Fil-Liġi hemm miktub:
“Permezz ta’ nies b’ilsien barrani,
u b’xufftejn stranġieri
inkellem lil dan il-poplu;
u b’dan kollu anqas ma jisimgħuni,”
jgħid il-Mulej.#Dt 28,49; Is 28,11-12. 22Mela d-don tal-ilsna hu sinjal mhux għal min jemmen, iżda għal min ma jemminx; id-don tal-profezija mhux għal min ma jemminx, iżda għal min jemmen. 23Jekk, ngħidu aħna, il-Knisja kollha tiltaqa’ f’post wieħed u kulħadd jitkellem bl-ilsna, u jidħlu xi katekumeni sempliċi jew nies li ma jemmnux, ma jgħidux li intom barra minn sensikom#14,23: Li intom barra minn sensikom: id-don tal-ilsna kien jikkonsisti f’diskors estatiku li minn barra kien jixbah diskors ta’ nies barra minn sensihom.?#Atti 2,13. 24Imma jekk ilkoll tipprofetizzaw u jidħol xi ħadd li ma jemminx jew xi katekumenu sempliċi, dan iħoss ruħu mwiddeb minn kulħadd, u ġġudikat minn kulħadd,#Ġw 16,8. 25jinkixfulu l-fehmiet moħbija ta’ qalbu u b’hekk jixteħet wiċċu fl-art u jadura lil Alla u jistqarr: “Tassew li Alla f’nofskom!”#Is 45,14; Dan 2,47; Żak 8,23.
Kollox bl-ordni
26Xi ngħidu, mela, l-aħwa? Meta intom tiltaqgħu, wieħed jista’ jkollu xi salm, ieħor xi tagħlima, ieħor xi rivelazzjoni, ieħor xi kelma b’ilsien barrani, ieħor xi tifsira; kollox iservi għall-edifikazzjoni.#1 Kor 12,8-10; Ef 4,12. 27Tridu titkellmu bl-ilsna? Ħalli jitkellmu tnejn jew l-aktar tlieta, imma wieħed wara l-ieħor u xi ħaddieħor ifisser xi jkun jingħad. 28Jekk ma jkunx hemm min ifisser, fil-ġemgħa ma għandu jitkellem ħadd; ħalli jitkellem għalih innifsu, bejnu u bejn Alla. 29Il-profeti jitkellmu, tnejn jew tlieta, u l-oħrajn iqisu dak li jingħad.#Atti 17,11; 1 Tess 5,21. 30Jekk xi ħadd bilqiegħda jkollu xi rivelazzjoni, l-ewwel wieħed għandu jiskot. 31Intom lkoll tistgħu tipprofetizzaw, imma wieħed wara l-ieħor, sabiex ilkoll titgħallmu u tagħmlu l-qalb. 32L-ispirti tal-profeti għandhom ikunu taħt il-ħakma tal-profeti, 33għax Alla mhux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem.
34Bħalma jsir fil-Knisja kollha tal-qaddisin, in-nisa għandhom iżommu s-skiet fil-laqgħa; ma għandhomx permess jitkellmu imma joqogħdu suġġetti, bħalma tgħid ukoll il-Liġi.#1 Kor 11,3; Ef 5,22; 1 Tim 2,12; Tit 2,3. 35Jekk ikunu jridu jitgħallmu xi ħaġa, jistaqsu lil żwieġhom id-dar; ma jixraqx li mara titkellem fil-ġemgħa tal-Knisja.
36Jaqaw mingħandkom ħarġet il-kelma ta’ Alla? Jew għandkom biss waslet?
37Jekk xi ħadd jaħseb li hu profeta jew bniedem b’xi don spiritwali, kunu afu li dan li ktibtilkom hu preċett tal-Mulej.#1 Ġw 4,6. 38Jekk ma jagħtix kas ta’ dan, tagħtux kasu intom. 39Mela, l-aħwa, fittxu li tipprofetizzaw, iżda żżommux lil min jitkellem bl-ilsna.
40Ħa jsir kollox kif imur u bl-ordni.#1 Kor 14,33; Kol 2,5.

Currently Selected:

1 KORINTIN 14: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in