ĠENESI 48
48
Kapitlu 48
L-aħħar xewqa ta’ Ġakobb
1U wara dawn il-ġrajja qalu lil Ġużeppi: “Ara, missierek marid.” U ħa miegħu liż-żewġ uliedu, Manassi u Efrajm. 2U ħabbru lil Ġakobb u qalulu: “Ara, ġie għandek ibnek Ġużeppi.” U Iżrael għamel ħiltu u qam bilqiegħda fuq is-sodda. 3U Ġakobb qal lil Ġużeppi: “El-Xaddaj deherli f’Luż#48,3: Luż: isem ieħor ta’ Betel, ara Ġen 28,19. fl-art ta’ Kangħan u berikni#Ġen 17,1-2; 28,12-15; 35,6-7. 4u qalli: ‘Arani, jien se nagħtik nisel u nkattrek u nagħmel minnek ġemgħa ta’ ġnus, u nagħti din l-art lil nislek warajk b’wirt għal dejjem.’ 5U issa ż-żewġ uliedek li twildulek fl-art tal-Eġittu qabel ma ġejt jien għandek fl-Eġittu, huma tiegħi: Efrajm u Manassi jkunu tiegħi bħal Ruben u Simgħon. 6Imma dawk li wlidt warajhom ikunu tiegħek; u jissejħu b’isem ħuthom fil-qasam tal-wirt. 7Meta jien kont ġej mill-Fiddien mititli Rakel fl-art ta’ Kangħan fit-triq, meta kien għad fadal biċċa art sewwa biex nasal Efrata, u dfintha hemm fit-triq ta’ Efrata, li hi Betlehem.”#Ġen 35,16-20.
8U Iżrael ra ż-żewġt itfal ta’ Ġużeppi u staqsieh: “Min huma dawn?” 9U Ġużeppi wieġeb lil Ġakobb: “Dawn huma wliedi li tani Alla hawnhekk.” U qallu: “Ressaqhom lejja biex inberikhom.” 10U għajnejn Iżrael kienu tqalu bix-xjuħija, u ma kienx jista’ jara. Ressaqhomlu lejh Ġużeppi, u hu bieshom u għannaqhom. 11U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ma kontx nistenna li għad nara ’l wiċċek, u, ara, issa Alla wrieni lil uliedek ukoll.” 12U Ġużeppi ħariġhom minn bejn irkupptejn missieru, u niżel wiċċu fl-art. 13Imbagħad Ġużeppi ħadhom it-tnejn: lil Efrajm b’idu l-leminija lejn in-naħa tax-xellug ta’ Iżrael, u lil Manassi bix-xellugija lejn in-naħa tal-lemin ta’ Iżrael, u ressaqhomlu lejh. 14U Iżrael medd idu l-leminija u qegħedha fuq ras Efrajm, iż-żgħir, u x-xellugija qegħedha fuq ras Manassi, b’idejh imsallbin, għax Manassi kien il-kbir, 15u bierek lil Ġużeppi u qallu:
“Alla li mxew quddiemu missirijieti,
Abraham u Iżakk;
Alla, ir-ragħaj tiegħi,
sa minn tnissili sal-lum;#Lhud 11,21. #Ġen 49,24-25; S 23,1; 80,2-3.
16l-anġlu li salvani minn kull għawġ,
ibierek ’il dawn iż-żgħażagħ,
u jsejħu fuqhom ismi,
u isem missirijieti, Abraham u Iżakk,
u jitkattru bil-bosta fl-art.”
17U Ġużeppi ra li missieru kien qiegħed idu l-leminija fuq ras Efrajm u ma għoġbitux; u qabad id missieru biex iwarrabha minn fuq ras Efrajm għal fuq ras Manassi. 18U Ġużeppi qal lil missieru: “Mhux hekk missier! Dan hu l-kbir, qiegħed il-leminija tiegħek fuq rasu.” 19Imma missieru ma riedx u qallu: “Naf, ibni, imma naf ukoll li għad ikun ġens, u jkun kbir ukoll. Naf ukoll li ħuh iż-żgħir għad ikun akbar minnu, u n-nisel tiegħu jkun milja ta’ ġnus.”#Dt 33,17. 20U berikhom dak in-nhar u qalilhom:
“Bik Iżrael għad ibierek u jgħid:
‘Jagħmlek Alla bħal Efrajm u Manassi.’ ”
U qiegħed lil Efrajm qabel Manassi.#Ġen 12,3.
21U Iżrael qal lil Ġużeppi: “Ara jien se mmut, imma Alla jkun magħkom u jreġġagħkom lura lejn art missirijietkom. 22U jien nagħtik xaqliba ta’ muntanja aktar minn ħutek, li jien kont ħadt minn idejn l-Amurrin bix-xabla u l-qaws tiegħi.”#Ġoż 17,4; Ġw 4,5.
Currently Selected:
ĠENESI 48: MB20
Highlight
Share
Copy

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.